F’Diċembru, Malta kellha l-inqas rata ta’ qgħad minn fost is-sebgħa u għoxrin pajjiż membru fl-Unjoni Ewropea. Dan ħareġ minn ċifri tal-Eurostat, l-uffiċċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea, fejn ħareġ li r-rata ta’ pajjiżna hi ta’ 2.4%.
Minn dawn iċ-ċifri ħareġ li r-rata ta’ Malta baqgħet konsistenti, meta mqabbel ma’ xahar qabel, jiġifieri f’Novembru.
Miċ-ċifri tal-Eurostat ħareġ ukoll li r-rata ta’ qgħad ta’ pajjiżna hi ferm inqas meta mqabbla mar-rata medja tal-Unjoni Ewropea. Dan hekk kif ir-rata medja ta’ qgħad tal-Unjoni Ewropea, f’Diċembru, kienet ta’ kważi sitta fil-mija.
Bl-inqas rata ta’ qgħad fl-Unjoni Ewropea, wara Malta hemm: il-Polonja u r-Repubblika Ċeka. Dan filwaqt li l-ogħla rati ta’ qgħad fl-Unjoni Ewropea huma dawk ta’ Spanja, il-Greċja u l-Iżvezja.
Din l-inqas rata ta’ qgħad fl-istorja ta’ pajjiżna seħħet fi żmien ta’ sfidi internazzjonali bla preċedent bil-gwerra fl-Ukrajna, li ġabet magħha kriżi tal-enerġija u l-inflazzjoni.