Ċifri tal-Eurostat juru li f’Mejju li għadda, Malta kellha l-ħames l-anqas rata ta’ qgħad fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea. Għall-ewwel darba Malta kellha wkoll l-anqas rata ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ Ewropej.
Iċ-ċifri juru bi 3.9 fil-mija, Malta kellha rata ta’ qgħad anqas min-nofs tal-medja Ewropea li kienet ta’ tmienja punt erba’ fil-mija. Kienu biss il-Polonja, l-Ungerija, il-Ġermanja u r-Repubblika Ċeka li kellhom rata ta’ qgħad ftit inqas minn ta’ Malta.
L-ogħla rati ta’ qgħad ġew irreġistrati fil-Greċja b’aktar minn għoxrin fil-mija segwita minn Spanja bi kważi sitta fil-mija. L-Italja u Franza kellhom it-tielet u r-raba’ l-ogħla rati ta’ qgħad.
Iċ-ċifri juru wkoll li b’4.8 fil-mija Malta rreġistrat l-anqas rata ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ. Malta kienet segwita mill-Ġermanja b’6.1 fil-mija u l-Estonja b’6.8 fil-mija.
L-ogħla rati ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ ġew irreġistrati fil-Greċja b’aktar minn tlieta u erbgħin fil-mija, fi Spanja bi kważi erbgħa u tletin fil-mija u fl-Italja bi tnejn u tletin fil-mija.