F’Mejju, għat-tieni xahar konsekuttiv, Malta kellha l-inqas rata ta’ qgħad fost il-pajjiżi fiż-Żona Ewro.
Dan ġie kkonfermat minn statistika tal-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea, il-EUROSTAT.
Hawnhekk ħareġ li pajjiżna għandu rata ta’ qgħad ta’ 2.8 fil-mija.
Ir-rata ta’ Malta hija ferm inqas mill-medja tar-rata ta’ qgħad taż-Żona tal-Ewro, hekk kif hija ta’ 6.5 fil-mija. Dan ifisser li d-differenza hija ta’ kważi 4 fil-mija.
Wara Malta bl-inqas rata ta’ qgħad hemm il-Ġermanja (2.9 fil-mija) u l-Olanda (3.5 fil-mija).
Fl-aħħar tbassir tagħha, il-Kummissjoni Ewropea għar-rebbiegħa basret li pajjiżna se jkollu fost l-inqas rati ta’ qgħad fl-istorja.
Dawn iċ-ċifri minn pajjiżna nkisbu, minkejja l-isfidi internazzjonali bla preċedent minħabba l-gwerra fl-Ukrajna.