Minn rapport indipendenti li għadu kif ħareġ, jirriżulta li Malta bħalissa għandha t-tieni l-inqas rata ta’ inugwaljanza fl-Ewropa. Hija biss is-Slovakkja li għandha rata ta’ inugwaljanza inqas minn ta’ Malta. Jirriżulta wkoll li Malta għandha s-seba’ l-inqas rata ta’ faqar fl-Ewropa fost dawk li jaħdmu. Huma biss il-Finlandja, ir-Repubblika Ċeka, il-Belġju, l-Irlanda, l-Olanda u d-Danimarka li għandhom rata iktar baxxa minn Malta. Ir-rapport Inequality in Europe, maħruġ mill-istitut indipendenti Friedrich-Ebert-Stiftung, jagħti ħarsa lejn is-sitwazzjoni ta’ inugwaljanza fl-Ewropa u x’inhuma l-fatturi għal dan. Ir-rapport għandu l-għan li jgħin fit-tfassil ta’ policies biex jindirizzaw l-inugwaljanzi waqt li jsemmi x’jistgħu jkunu is-soluzzjonijiet. Fost is-soluzzjonijiet li jissemmew biex tkun indirizzata l-inugwaljanza fl-Ewropa, mhux biss bejn dawk li jaqilgħu l-iktar u l-inqas iżda anke bejn l-irġiel u n-nisa, hemm it-twessigħ ta’ faċilitajiet ta’ child care biex jgħinu aktar ġenituri, speċjalment nisa, biex jibqgħu jew jidħlu fid-dinja tax-xogħol.
Dan ir-rapport ikompli juri kemm Malta hija fost ta’ quddiem fil-ġlieda kontra l-faqar u kontra l-inugwaljanza. Miżuri li ilhom li ddaħħlu f’pajjiżna sa mill-2014 bħaċ-childcare b’xejn, in–work benefit u tapering tal-benefiċċċji, mhux biss qed jagħtu l-frott f’pajjiżna imma jistgħu jkunu s-soluzzjoni għal pajjiżi oħrajn. Il-Gvern sostna li se jibqa’ impenjat li jkompli jtejjeb il-qagħda tal-familji Maltin u Għawdxin billi jkompli jkabbar u jġib aktar investiment, jkattar aktar ġid u xogħol, idaħħal aktar miżuri soċjali waqt li jsostni lil dawk li minħabba raġunijiet validi ma jistgħux jaħdmu u jduqu biżżejjed mill-ġid li l-investiment u x-xogħol qed joħloq. |