Fix-xahar ta’ Awwissu, Malta kellha fost l-inqas rati ta’ inflazzjoni mill-pajjiżi fiż-Żona tal-Ewro.
Dan ħareġ minn ċifri ppubblikati mill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea, il-EUROSTAT.
Dan hekk kif ir-rata ta’ inflazzjoni f’pajjiżna hija ta’ 7.1 fil-mija.
Din ir-rata hija inqas sew mill-medja tal-pajjiżi fiż-Żona tal-Ewro, hekk kif din hija ta’ 9.1 fil-mija – tnejn fil-mija iżjed mir-rata ta’ inflazzjoni f’pajjiżna.
Ħarsa lejn il-figuri minn madwar iż-Żona tal-Ewro turi li bl-inqas għoli tal-ħajja hemm Franza u wara ssegwu Malta u l-Finlandja.
L-ikbar rata ta’ għoli tal-ħajja fiż-Żona tal-Ewro kienet fl-Estonja. F’dan il-pajjiż imsemmi r-rata ta’ inflazzjoni hija ta’ 25.2 fil-mija; fejn hemm differenza ta’ iżjed minn 18 fil-mija mir-rata tal-għoli tal-ħajja f’Malta.
Wara l-Estonja jsegwu l-Litwanja u l-Latvja, li lkoll għandhom rata ta’ inflazzjoni li taqbeż l-20 fil-mija.
Skont l-istatistika tal-EUROSTAT ħareġ li l-akbar żieda fl-għoli tal-ħajja kienet is-settur tal-enerġija, hekk kif fi żmien sena kienet ta’ 38 fil-mija.
Din iż-żieda fl-għoli tal-ħajja qed tiġri minħabba l-isfidi internazzjonali minħabba l-gwerra fl-Ukrajna, li ħallew impatt qawwi fuq il-prezzijiet.