Għal xahar ieħor Malta għandha l-inqas rata ta’ inflazzjoni, minn fost il-pajjiżi kollha fiż-Żona tal-Ewro.
Skont ċifri maħruġa mill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea, il-EUROSTAT, ir-rata tal-inflazzjoni f’pajjiżna hija 5.6 fil-mija.
Din ir-rata hija inqas sew mill-medja taż-Żona tal-Ewro, li hija 8.1 fil-mija – 2.5 fil-mija iżjed mir-rata ta’ inflazzjoni ta’ Malta.
Ir-rata medja tal-inflazzjoni fiż-Żona tal-Ewro kellha żieda ta’ kważi punt perċentwali f’xahar, meta telgħet għal 8.1 fil-mija f’Mejju mir-rata ta’ 7.4 fil-mija f’April.
Ħarsa lejn il-figuri minn madwar iż-Żona tal-Ewro turi li bl-inqas għoli tal-ħajja hemm Malta u wara jiġu Franza u l-Finlandja.
L-ikbar rata ta’ għoli tal-ħajja fiż-Żona tal-Ewro kienet fl-Estonja, fil-Litwanja, u fil-Latvja.
Mill-istatistika tal-Eurostat ħareġ ukoll kif, matul ix-xahar ta’ Mejju, ir-rata tal-inflazzjoni żdiedet kullimkien. Il-gwerra fl-Ukrajna ħalliet impatt qawwi fuq il-prezzijiet, fosthom dawk tal-enerġija, f’kull Stat membru tal-Unjoni Ewropea.
Ta’ min ifakkar li, f’Malta, il-Gvern qed iżomm il-prezzijiet stabbli bl-għajnuna lill-impurtaturi tal-qmugħ filwaqt li ħa l-miżuri neċessarji biex ma jogħlewx il-prezzijiet tal-fjuwil u tal-enerġija.