Ix-xahar li għadda Malta reġgħet għal darb’oħra rreġistrat fost l-inqas rati ta’ inflazzjoni kemm fiż-Żona tal-Ewro kif ukoll fl-Unjoni Ewropea kollha kemm hi. Dan jirriżulta mill-aħħar statistika, li ġiet ippubblikata dalgħodu mill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewroepa, l-Eurostat.
Filwaqt li r-rata annwali tal-inflazzjoni fiż-żona tal-ewro f’Mejju kienet 8.1 fil-mija u fl-Unjoni Ewropea kienet 8.8 fil-mija, fl-istess xahar f’Malta r-rata kienet ta’ 5.8 fil-mija. Dan ifisser li r-rata tal-inflazzjoni annwali f’Malta x-xahar li għadda kienet 2.3 fil-mija iktar baxxa minn dik tar-rata taż-Żona tal-Ewro u 3 fil-mija iktar baxxa minn dik tal-Unjoni Ewropea.
Flimkien ma’ Malta, l-inqas rati ta’ inflazzjoni madwar l-Unjoni Ewropea x-xahar li għadda ġew irreġistrati fi Franza u fil-Finlandja. L-ogħla rati annwali ta’ inflazzjoni, mill-banda l-oħra, ġew irreġistrati fl-Estonja, fil-Litwanja, u filLatvija.
Minħabba ċ-ċirkstanzi attwali fid-dinja, l-inflazzjoni qed togħla prattikanent madwar l-Unjoni Ewropea kollha. Ix-xahar li għadda, l-aktar li kontribwew għall-inflazzjoni fiż-Żona tal-Ewro kienu l-enerġija, l-ikel, l-alkoħol u t-tabakk, is-servizzi, u l-prodotti industrijali mhux ta-enerġija.
Meta mqabbla ma’ April li għadda, ix-xahar li għadda, ir-rata tal-inflazzjoni kemm fiż-Żona tal-Ewro kif ukoll fl-Unjoni Ewropea għoliet b’0.7 fil-mija. F’Malta, iż-żieda tal-inflazzjoni f’Mejju meta mqabbla ma’ April kienet kienet 0.4 fil-mija, iktar baxxa minn dawn iż-żewġ medji Ewropej.
F’pajjiżna, il-Gvern qed jieħu l-miżuri kollha possibbli biex jipproteġi lill-konsumatur minn din il-pressjoni ’l fuq tal-prezzijiet.