Filwaqt li d-dinja kollha qed tesperjenza pressjoni kbira fuq il-prezzijiet kawża ta’ fatturi bħall-ħruġ mill-pandemija u, issa, il-kunflitt armat fl-Ukrajna, statistika maħruġa llum turi li x-xahar li għadda Malta rreġistrat l-inqas rata ta’ għoli tal-ħajja fl-Unjoni Ewropea u fiż-Żona tal-Ewro.
Dan jirriżulta minn statistika maħruġa llum mill-Uffiċċji tal-Istatistika kemm ta’ Malta – l-NSO – kif ukoll tal-Unjoni Ewropea – l-Eurostat.
Filwaqt li x-xahar li għadda, ir-rata tal-inflazzjoni fl-Unjoni Ewropea kienet ta’ 8.1 fil-mija, f’Malta kienet 5.4 fil-mija, jiġifieri 2.7 fil-mija iktar baxxa. Fl-istess ħin, ix-xahar li għadda, ir-rata tal-inflazzjoni f’Malta kienet 2 fil-mija iktar baxxa mir-rata ta’ 7.4 fil-mija taż-Żona tal-Ewro.
Daqqa t’għajn lejn iċ-ċifri minn madwar l-Unjoni Ewropea u ż-Żona Ewro kollha kemm huma juru li, fuq nett tal-lista bl-inqas żieda fl-għoli tal-ħajja hemm Malta u Franza (it-tnejn b’5.4%), u warajhom il-Finlandja (5.8%). L-ogħla rati ta’ żieda fl-inflazzjoni ġew irreġistrati fl-Estonja (19.1%), fil-Litwanja (16.6%), u fir-Repubblika Ċeka ( 13.2%).
F’pajjiżna, fid-dawl tal-pressjoni fuq il-prezzijiet minħabba żieda fid-domanda min-naħa tal-konsumatur hekk kif ħerġin mill-pandemija kif ukoll kaġun tal-gwerra fl-Ukrajna, partikolarment fuq il-produzzjoni u l-fornitura tal-qmuħ, l-akbar impatt fuq ir-rata tal-inflazzjoni kien fl-indiċi tal-ikel u x-xorb mhux alkoħoliku, b’1.5 fil-mija. Mill-banda l-oħra, kien hemm tnaqqis ta’ 0.7% fil-prezzijiet fil-qasam tal-komunikazzjoni.
F’dawn iċ-ċirkustanzi diffiċli għall-Ewropa u għall-bqija tad-dinja, il-Gvern Malti qed jieħu d-deċiżjonijiet li hemm bżonn sabiex iżomm il-prezzijiet tal-ikel bażiku u tal-enerġija stabbli għall Maltin u l-Għawdxin. Kien b’riżultat ta’ din il-politika li Malta rnexxilha tirreġistra l-inqas rata ta’ żieda fl-inflazzjoni madwar l-Ewropa kollha kemm hi.