Malta għandha l-inqas rata ta’ inflazzjoni fl-Unjoni Ewropea.
Dan ħareġ minn statistika maħruġa mill-uffiċċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea, il-EUROSTAT.
F’kull stat membru, l-inflazzjoni żdiedet anki minħabba l-gwerra fl-Ukrajna.
Ir-rata ta’ Malta matul Marzu kienet ta’ 4.5% filwaqt li l-medja Ewropea hija ta’ 7.8%.
Wara pajjiżna Franza u l-Portugall kellhom l-anqas rati ta’ inflazzjoni b’5.1% u 5.5% rispettivament.
L-ogħla inflazzjoni kienet epserjenzata fil-Litwanja bi 15.6%, segwitha mill-Estonja b’14.8%.
Malta mhiex lanqas iżolata f’dak li qed jiġri fl-Ewropa minħabba l-kriżi tal-Ukrajna iżda l-impatti sa issa mhumiex kbar daqs pajjiżi oħra.
Dan anki minħabba l-fatt li l-Gvern Malti qed jgħin lill-importaturi tal-qmuħ u m’għolliex il-prezzijiet tal-fjuwil u l-enerġija, bħal ma ġara f’pajjiżi ġirien tagħna.
Fil-jiem li għaddew il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana qal li l-Gvern huwa impenjat li jibqa’ jaħdem u jinvesti sabiex jilqa’ għall-impatt li se ġġib magħha l-gwerra fl-Ukrajna, mhux biss fix-xhur li ġejjin iżda wkoll fis-snin li ġejjin.
Quddiem l-imsieħba soċjali fil-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, l-MCESD, il-Ministru Caruana saħaq li bħalma għamel fix-xhur u s-snin li għaddew, il-Gvern se jibqa’ jkun ta’ spalla għas-setturi kollha u fl-istess ħin jissalvagwardja l-istruttura tal-ekonomija Maltija.
Fl-indirizz tiegħu l-Ministru Clyde Caruana ta serħan il-moħħ lill-imsieħba soċjali f’pajjiżna li dak li se jkun qed jagħmel il-Gvern sabiex b’mod partikolari jilqa’ mill-effetti tal-gwerra fl-Ukrajna, mhux se jkun kwistjoni ta’ ftit xhur, iżda ta’ snin.
Il-Ministru Caruana semma wkoll kif il-Gvern qed jagħmel minn kollox sabiex ir-rata tal-inflazzjoni f’pajjiżna ma tarax żieda kbira.