Skont statistika tal-uffiċċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea, il-Eurostat, pajjiżna għandu l-inqas rata t’għalliema li kellhom aktar minn 50 sena.
Iċ-ċifri juru li b’rata ta’ 14%, Malta kellha l-inqas rata fl-Unjoni Ewropea, t’għalliema li kellhom aktar minn 50 sena fl-2018.
Dan filwaqt li l-medja Ewropea tal-għalliema ‘l fuq minn 50 sena hija ta’ 39%, li jfisser it-tripplu ta’ pajjiżna
Lejliet li fil-biċċa l-kbira tal-edukaturi jibdew jilqgħu lill-istudenti fil-klassi wara kważi seba’ xhur, l-istatistika wriet li f’pajjiżna, b’kollox kien hawn 6,412 għalliem, b’1,997 minnhom jaħdmu fl-edukazzjoni primarja filwaqt li 4,415 huma għalliema fis-sekondarja.
Mit-total ta’ edukaturi fil-livell primarju u sekondarju kien hemm 35 għalliema li kellhom 65 sena jew aktar.
Fil-livell ta’ edukazzjoni primarja, kien hemm 110 edukaturi li kellhom bejn 50 u 54 sena, filwaqt li kien hemm 7 li kellhom 65 sena jew aktar.
L-ogħla rati ta’ għalliema li kellhom ħamsin sena jew aktar ġew irreġistrati fl-Italja b’45% u l-Litwanja bi 52% fost oħrajn.
Din l-istatistika turi ukoll li l-biċċa l-kbira tal-edukaturi f’pajjiżna huma nisa, hekk kif fl-edukazzjoni primarja minn 1,997 edukatur, 1,714 kienu nisa filwaqt li 283 biss kienu edukaturi rġiel.