Malta għandha l-inqas rata ta’ faqar assolut minn fost is-sebgħa u għoxrin membru stat tal-Unjoni Ewropea.
Dan ħareġ skont riċerka u studju ppubblikat minn direttorat ta’ riċerka tal-Kummissjoni Ewropea.
F’dan l-istudju, ir-riċerkaturi Ewropej jiddeterminaw il-livell ta’ dħul bażiku li persuna għandha bżonn biex tkun tista’ tipparteċipa b’mod adegwat fis-soċjetà.
Hawnhekk ir-riċerkaturi jagħtu każ ukoll prodotti u servizzi li jingħataw b’xejn mill-Istat, l-ammont ta’ dħul li għandha bżonn persuna biex ikollha l-ikel meħtieġ, saqaf fuq rasha u l-mediċini.
Fil-każ ta’ pajjiżna, il-medja għall-popolazzjoni, id-dħul huwa ta’ ħames mitt ewro fix-xahar, li naturalment kien ikun ferm ogħla kieku f’pajjiżna m’għandniex diversi servizzi essenzjali mogħtija b’xejn.
L-ammont ta’ Malta huwa nofs l-ammont li għandom bżonn il-ġirien tagħna fl-Italja u tliet darbiet anqas minn dak li għandu bżonn xi ħadd biex jgħix b’mod tajjeb fid-Danimarka.
Fi stqarrija, mill-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali ntqal kif din ir-riċerka tirrifletti differenzi fl-għoli tal-ħajja u kemm u jekk jingħatawx servizzi b’xejn.
Intqal kif b’dan il-kejl, Malta għandha biss wieħed punt ħamsa fil-mija tal-popolazzjoni f’sitwazzjoni li m’għandhiex dħul biżżejjed biex tgħix komda.
Dan huwa għaxar darbiet anqas mill-proporzjon ta’ nies li huma meqjusa f’riskju ta’ faqar relattiv f’pajjiżna.
Minn dan l-istudju mid-direttorat ta’ riċerka tal-Kummissjoni Ewropea joħroġ ukoll li Malta għandha l-inqas rata ta’ tfal f’sitwazzjoni ta’ faqar assolut mill-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.
Dan l-istudju juri wkoll kif filwaqt li bosta pajjiżi Ewropej għandhom lil dawk meqjusa f’sitwazzjoni ta’ faqar relattiv huma wkoll f’sitwazzjoni ta’ faqar assolut, f’pajjiżna l-maġġoranza assoluta ta’ dawk f’riskju ta’ faqar relattiv huma f’qagħda ferm aħjar li jgħixu aħjar f’pajjiżna.
Dan hekk kif persuna li ma titqiesx f’riskju ta’ faqar relattiv, persuna li tgħix waħidha kellha bżonn dħul ta’ €812 fix-xahar.
Dan l-ammont huwa tnejn u erbgħin fil-mija ogħla mil-limitu ta’ dħul li kien jintuża fl-elfejn u tnax, għax fiż-żmien imsemmi, id-dħul tal-familji kien ferm inqas.
Dan filwaqt li l-limitu ta’ riskju ta’ faqar relattiv f’Malta, jitla’ għal elf mitejn u tmintax-il ewro fix-xahar għal koppja, filwaqt li elf, seba’ mija u ħames ewro fix-xahar għal familja b’żewġt itfal żgħar.
Fl-istqarrija, il-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali Michael Falzon qal li għal darba oħra għandna konferma kemm il-politika soċjali u ekonomika tal-Gvern qed tħalli l-frott fil-ġlieda kontra l-faqar.
Il-Ministru Falzon tenna l-impenn tal-Gvern, li jibqa’ jdaħħal aktar benefiċċji u servizzi sabiex ikompli jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin.