Skont statistika tal-uffiċċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea, il-Eurostat, pajjiżna għandu l-inqas rata ta’ divorzju fost l-istati membri.
Din l-istatistika għall-2018 uriet li r-rata tad-divorzji f’Malta kienet ta’ 0.7 fuq kull elf ruħ.
Dan ifisser li Malta kellha l-inqas rata, flimkien mal-Irlanda.
Iż-żewġ pajjiżi Baltiċi, jiġifieri il-Litwanja u l-Latvja kienu l-aktar żewġ pajjiżi li kellhom rata ta’ divorzju għoli, bi 3.1 fuq kull elf ruħ.
Pajjiżi oħra li rreġistraw rati għoljin ta’ divorzju kienu dawk Skandinavi, id-Danimarka u l-Iżvezja.
Il-medja Ewropea tar-rata tad-divorzju kienet ta’ 2.0 fuq kull elf ruħ.
Jirriżulta wkoll li r-rata tad-divorzju f’pajjiżna naqset ftit bejn l-2015 u l-2018, hekk kif ħames snin ilu r-rata kienet 0.8 fuq kull elf ruħ.
Il-liġi tad-divorzju f’pajjiżna daħal wara referendum li kien sar fl-2011.
Dakinhar il-maġġoranza tal-poplu vvutaw favur id-dħul tad-divorzju u imbagħad kien il-Parlament li lleġiżla favur il-liġi tad-divorzju.
Il-liġi kienet għaddiet minkejja li l-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien, Lawrence Gonzi, kien mar kontra r-rieda tal-maġġoranza tal-poplu u fil-parlament ivvota kontra l-liġi kif approvata f’referendum.