Ikomplu r-riżultati pożittivi tal-ħidma fis-settur tas-saħħa fejn matul is-sena 2024, Malta kisbet l-aktar rata baxxa ta’ amputazzjoni tar-riġlejn fl-Ewropa. Dan ħabbru il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela.
Il-Ministru Abela qal kif is-sena li għaddiet, f’pajjiżna saru 52 operazzjoni ta’ amputazzjoni fejn imqabbel ma’ snin preċedenti kienu jsir ’il fuq minn 130 operazzjoni. Spjega kif it-tnaqqis ta’ interventi ta’ amputazzjoni niżel b’iżjed minn 62%. Huwa saħaq kif dawn ir-riżultati huma kisba tal-ħidma ta’ tim multidixxiplinarju dedikat u mħarreġ tajjeb. Il-Gvern jibqa’ determinat li jinvesti aktar fit-taħriġ vaskolari, f’aktar apparat soffistikat u f’kura preventiva biex inkomplu nsaħħu dan ir-rekord eċċellenti.
Il-Ministru qal li meta wieħed iqabbel l-istatistiċi tagħna ma’ dawk ta’ pajjiżi oħrajn, insibu li f’Malta saru 10 interventi ta’ amputazzjoni fis-saqajn għal kull 100,000 persuna. F’pajjiżi Ewropej dak in-numru huwa iżjed mid-doppju ta’ Malta u jlaħħaq iżjed minn 20 intervent għal kull 100,000 persuna.

Il-Ministru Abela tenna kif dan is-suċċess huwa dovut għal titjib sostanzjali fis-servizz tal-kura kemm fil-komunità permezz tas-servizzi tal-podjatrija u kemm fl-isptar permezz tat-titjib tas-servizzi radjoloġiċi u radjografiċi u fil-kura fil-qasam tal-kirurġija vaskulari. “Għandna tim eċċellenti li ilu jaħdem snin sħaħ biex wasalna għal dan ir-riżultat. Illum stess ukoll nedejna klinika ġdida fil-komunità li ser tkun qed topera fil-Ħamrun u li fiha tissue viability nurses, infermiera tal-feriti u kirurgi vaskolari li se jkunu qegħdin jaħdmu flimkien biex dawn ir-riżultati li ksibna nżommuhom u anki ntejbuhom.”
“Nirringrazzja lit-tim ta’ professjonisti kollha kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex li ta’ kuljum jaħdmu biex jiġu evitati dawn l-interventi. Il-Gvern kommess li jkompli jaħdem u jinvesti fil-kura preventiva kemm fl-isptarijiet kif ukoll fil-komunitajiet tagħna u anke permezz tal-Viżjoni Malta 2050, ser naraw li dan jiġi żgurat biex intejbu u tiġi mħarsa l-kwalità tal-ħajja u tas-saħħa tal-Għawdxin u l-Maltin,” temm jgħid il-Ministru Abela.