Pajjiżna għandu l-inqas rata ta’ nies fl-Ewropa li jinsabu fit-Taqsima għall-Kura Intensiva minħabba l-Covid-19.
Qal dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne fuq il-programm Sibt il-Punt fuq ONE Radio, fejn irrimarka wkoll li t-tilqim qed iħalli effett pożittiv.
Chris Fearne tenna, “Każijiet serji qed naraw ftit. Jiġifieri l-fatt li għandna daqstant nies imlaqqmin bil-booster u għandna immunità għolja fil-komunità qed tfisser li fl-isptarijiet tagħna waqt li qed ikun hemm każijiet, mhux ikun hemm każijiet esaġerati li qed jispiċċaw fl-ITU. Fl-ITU tagħna qed ikollna erba’, ħames pazjenti illi hija l-inqas rata ta’ persuni fl-ITU fl-Ewropa.”
Id-Deputat Prim Ministru spjega wkoll ir-raġuni wara ż-żieda fil-każijiet ta’ Covid-19.
Qal, “Is-sitwazzjoni tal-Covid f’Malta hija bħalma hi fl-Ewropa jiġifieri reġa’ kien hemm żieda fil-każijiet minħabba żewġ raġunijiet: waħda mir-raġunijiet hija bla dubju illi kif tneħħew ħafna restrizzjonijiet mhux Malta biss imma l-Ewropa kollha kien hemm it-taħlit tan-nies però wkoll kellna dal-varjant ħarira differenti mill-Omicron ta’ qabel, jista’ jkun ħarira inqas anzi qalil imma jinfirex iżjed allura qed naraw aktar nies fil-komunità illi huma pożittivi.”
Fearne spjega li din il-ġimgħa bdew jitlaqqmu bit-tieni doża tal-booster persuni li għandhom immunità baxxa u anzjani fid-djar tal-anzjani.
It-teħid tat-tieni doża addizzjonali qed isir fuq bażi volontarja u mhux ser jaffettwa l-istatus ta’ persuni mlaqqma fuq iċ-ċertifikat tal-vaċċin.
Id-Deputat Ministru qal, “Mill-ġimgħa li ġejja jiġifieri l-ġimgħa ta’ wara l-Għid ħa nibdew nagħtu wkoll it-tilqima, it-tieni booster lill-persuni kollha fis-soċjetà li għandhom tmenin sena u fuqhom. Mill-ġimgħa li ġejja ħa jibdew jirċievu l-invit, ħafna drabi ħa jkun viċin id-dar tagħhom f’xi berġa jew ċentru tas-saħħa viċin il-komunità tagħhom biex dawn l-anzjani wkoll noffrulhom it-tieni doża tal-booster.”
Il-Ministru għas-Saħħa stqarr li anki Malta qed tagħmel il-parti tagħha biex l-immunità madwar id-dinja dejjem tissaħħaħ billi tagħti donazzjonijiet lil pajjiżi fejn ir-rata ta’ tilqim baqgħet baxxa.
Fil-fatt Malta għadha kemm bagħtet mitejn elf doża lill-Kosta tal-Avorju bħala donazzjoni.