F’rapport li ħareġ, il-fond monetarju internazzjonali qal li Malta se jkollha l-inqas impatt negattiv mill-Coronavirus.
Fil-fatt l-esperti tal-IMF qed ibassru li din is-sena, filwaqt li madwar ż-żona ewro mistenni tnaqqis ta’ sebgħa punt ħamsa fil-mija tal-prodott domestiku gross, f’Malta dan it-tnaqqis se jkun ta’ tnejn punt tmienja fil-mija, kważi terz tad-daqqa ekonomika li ser issofri l-bqija tal-Ewropa.
Pajjiżi ġirien ta’ Malta mistennijin ilaqqtu daqqiet ekonomiċi ferm akbar mill-medja Ewropea.
Fost l-oħrajn l-Italja mistennija tara tnaqqis li jaqbeż id-9% filwaqt li l-ekonomija Spanjola hija antiċipata li tiċkin bi 8%.
Il-Ġermanja, deskritta bħala l-mutur ekonomiku tal-Ewropa mistennija tara waqgħa ta’ 7% fis-saħħa ekonomika tagħha.
Ir-rata ta’ qgħad f’pajjiżna mistennija tkun ta’ 5%, 2.3% inqas mill-2009 minn meta pajjiżna kien fl-eqqel ta’ kriżi ekonomika.
Fejn tidħol l-inflazzjoni, l-esperti tal-IMF qed ibassru li r-rata tal-inflazzjoni f’Malta ser taqa għal taħt in-nofs perċentwal li tfisser anqas min-nofs ir-rata osservata s-sena li għaddiet.
Din ir-rata mbassra għal Malta hija wkoll żewġ punti perċentwali anqas mir-rata medja tal-inflazzjoni li kien hemm taħt l-amministrazzjoni preċedenti.
Ir-rapport tal-fond monetarju internazzjonali qed ibassru li s-sena d-dieħla, l-ekonomija Maltija ser tirpilja bil-qawwi mill-effetti tal-Coronavirus, tant li mistennija rata ta’ tkabbir ta’ 7%.
Dan meta fil-bqija tal-Ewropa it-tkabbir mistenni jkun taħt il-5%.
Ftit tal-jiem ilu, fir-rapport tal-Article four, għal pajjiżna, l-IMF ħeġġew lill-Gvern biex juża l-ispazju fiskali ħalli jgħin l-ekonomija, filwaqt li sostnew li għandu jkompli l-investiment fl-infrastruttura kif ukoll ir-riformi strutturali.
Il-Gvern qal li dan huwa t-tieni rapport internazzjonali li ħareġ fuq Malta mindu faqqgħet l-pandemija.
Ftit ġimgħat ilu l-esperti ta’ Standard & Poor’s kienu wkoll antiċipaw li l-impatt fuq pajjiżna kien ser ikun ħafna aħjar mill-medja Ewropea.
Il-Ministru għall-Ekonomija, Silvio Schembri rrimarka li, fl-aħħar ġimgħat il-ħidma li twettqet biex jiġu introduċuti miżuri ekomomiċi ta’ spalla għan-negozji u l-ħaddiema wriet kif minkejja l-pressjoni u l-isfidi tal-pandemija, il-Gvern kompla jiffunzjona tajjeb u kien kapaċi jasal għal patt soċjali ġdid.
“Pajjiżna issa għandu pakkett ta’ stimulu ekonomiku li huwa fost l-aqwa madwar id-dinja. Il-Gvern itenni r-rieda li wara li tintemm il-pandemija, pajjiżna jerġa’ lura għal tisħih ekonomiku, istituzzjonali u soċjali bla precedent”, temm jgħid il-Gvern.