Skont l-Eurostat, is-sena li għaddiet 26,100 persuna mietet f’inċidenti fit-toroq madwar l-Unjoni Ewropea. L-iktar pajjiżi fejn kien hemm inċidenti fit-toroq fl-2015 kienu Franza, il-Ġermanja, l-Italja u l-Polonja.
Jekk nitkellmu dwar fatalitajiet, l-inqas ammont ta’ mwiet fit-toroq kienu reġistrati hawn Malta. Warajna hemm l-Iżvezja u r-Renju Unit. L-iktar pajjiżi fejn mietu nies fit-toroq kawża ta’ inċidenti kienu l-Bulgarija, il-Latvia u r-Rumanija.
Pero interessanti l-fatt li meta mqabbel ma’ sena qabel, ċioe l-2014, l-ammont ta’ vittmi f’inċidenti tat-traffiku żdiedu l-aktar f’Ċipru, il-Finlandja, il-Kroazja, l-Awstrija, l-Olanda, l-Islovenja u Malta.
Iżda jekk inwessgħu l-orizzont u inħarsu lejn perjodu itwal, Malta rat tnaqqis fil-fatalitajiet. Infatti fl-1995 kien hemm 14-il fatalità, filwaqt li is-sena li għaddiet kien hemm 11. Tnaqqis ta’ 21.4% – wieħed mill-ogħla rati ta’ tnaqqis.
Fl-UE kollha, l-ammont ta’ vittmi naqas b’xejn inqas minn 59.2% bejn l-1995 u l-2015.