Pajjiżna għandu l-ikbar ammont ta’ ħaddiema li jaħdmu fis-settur tat-teknoloġija tal-informtatika, l-ICT, mill-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea. Hekk ħareġ minn rapport tekniku tal-JRC fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea, li juri kif Malta fl-2016 kellha it-tieni l-ikbar settur tal-ICT bl-ikbar forza ta’ ħaddiema fis-settur.
Dan hekk kif 3 snin ilu Malta kellha ‘l fuq minn 4% jaħdmu f’dan is-settur. Ċifra li tpoġġi lil Malta fuq nett tal-klassifika qabel pajjiżi bħall Estonja, l-Ungerija, l-Irlanda, il-Filandja u l-Lussemburgu. Dan filwaqt li medja Ewropea ta’ ħaddiema fis-settur kienet ta’ ftit inqas minn 2.6%. B’hekk f’pajjiżna n-numru ta’ ħaddiema fis-settur tal-ICT kien jammonta għall-kważi d-doppju tal-medja Ewropea.
Ir-rapport ikompli juri kif l-Irlanda biss kellha settur tal-ICT bi qliegħ ikbar minn ta’ pajjiżna meta mqabbel mal-GDP. Dan ifisser li pajjiżna għandu t-tieni l-akbar settur tal-ICT fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.
Dwar dan ir-rapport iċ-Ċerpersin tal-Jobsplus, Clyde Caruana saħaq kif din l-istatistika hija pożittiva ferm u tirrifletti kif l-ekonomija ta’ pajjiżna hija orjentata b’tali mod li tkabbar dan is-settur ukoll.
Iċ-ċerperin tal-Jobsplus Clyde Caruana qal ma’ ONE News: “Juri li pajjiżna, propju l-ekonomija tiegħu qiegħda tkun iggearjatha f’dan il-qasam. Filfatt Malta għandha l-ikbar ammont ta’ nies bħala perċentaġġ tal-workforce tagħha li jaħdmu fil-qasam tal-ICT ikkumparat mal-pajjiżi l-oħra tal-Unjoni Ewropea u mistenni wkoll bla ebda dubju li dan il-perċentaġġ ikompli jiżdied mas-snin li ġejjin.”
Filwaqt li huwa ħeġġeġ sabiex iżjed studenti maltin jispeċjalizzaw f’dan is-settur li kull ma jmur ser ikompli jikber, spjega kif f’pajjiżna hawn bosta opportunitajiet f’setturi differenti.
Is-Sur Caruana qal: “Naħseb illum il-ġurnata inzjattivi u informazzjoni, hemm biżżejjed, il-problema hija li dak li fejn se jaqbad jagħżel. Għliex tant kemm għandna opportunitajiet f’pajjiżna illi ż-żgħażagħ li jiggradwaw mill-Università u l-MCAST jistgħu jaħdmu fihom, li wieħed jiġi f’diffikultà li jagħżel f’liema xogħol jaqbillu l-aktar illi jaħdem.”