Ir-rapport annwali tal-2016 ippubblikat mill-EASO juri kif f’pajjiżna kellna l-ogħla rata ta’ persuni li kellhom l-aktar raġunijiet validi biex jingħataw protezzjoni internazzjonali.
Fil-fatt, total ta’ 83% mit-total ta’ persuni li fittxu l-protezzjoni f’pajjiżna, issoddisfaw il-kriterja neċċessarja biex jingħataw protezzjoni internazzjonali.
Pajjiżna kien segwit mill-Olanda u l-Awstrija b’72%, filwaqt li l-pajjiż li fih ingħataw l-anqas protezzjoni kien fl-Ungerija bi 8%.
Raġuni waħda għad-diskrepanzi hija t-tip ta’ pajjiżi li l-persuni jfittxu protezzjoni ġejjin minnhom, u allura r-raġuni li jipprovdu meta jitolbu l-protezzjoni. Infatti fl-Italja, ir-rata ta’ rikonoxximent kienet biss 39%, għax ingħataw diversi raġunijiet, minn diversi persuni ta’ oriġini differenti, għaliex riedu l-protezzjoni internazzjonali.
Ir-rapport juri kif fl-2016 kienu madwar 1.3 miljun persuna li applikkaw għall-protezzjoni internazzjonali f’membru stat tal-Unjoni Ewropea. Dan kien tnaqqis ta’ 7% meta mqabbel mal-2015, sena li fiha saru 1.4 miljun applikazzjoni.
Madankollu, ż-żieda sinifikanti fl-applikazzjonijiet għall-ażil matul l-aħħar sentejn wasslet għal żieda fid-deċiżjonijiet maħruġa fl-ewwel istanza, b’total ta’ 1.15 miljun deċiżjoni, żieda ta ‘84% meta mqabbel mal-2015. Filwaqt li dawk maħruġa fit-tieni istanza fl-2016 żdiedu b’21% meta mqabbel mal-2015.
L-ikbar numru ta’ ċittadini li applikaw għall-ażil kienu dawk li ġejjin mis-Sirja, Afghanistan, Iraq, Pakistan u n-Niġerja. L-iktar pajjiżi li rċivew persuni li qed ifittxu protezzjoni internazzjonali kienu l-Ġermanja, l-Italja, Franza, l-Greċja u l-Awstrija.
Ir-rapport ikkonkluda li l-kriżi fis-Sirja kompliet tkun fattur ewlieni fin-numru ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonal fl-Unjoni Ewropea. Fil-fatt l-applikazzjonijiet mis-Sirja ammontaw għal 26% tat-total tal-applikazzjonijiet.