Il-gvern Malti huwa l-iktar fdat fl-Unjoni Ewropea u saħansitra l-poplu Malti għandu iktar fiduċja fil-gvern milli għandu fil-Parlament jew fl-Unjoni Ewropea. Dan irriżulta minn stħarriġ xjentifiku li jsir għall-Unjoni Ewropea magħruf bħala l-Eurobarometer.
Jirriżulta li 55% tal-poplu Malti għandu fiduċja fil-gvern, filwaqt li hija biss minoranza ta’ 32% li qalet li ma tafdax lill-gvern. 13% qalu li ma jafux. Dawn ir-riżultati jikkuntrastaw bil-kbir ma’ dawk fl-Unjoni Ewropea fejn kienu biss 27% taċ-ċittadini li qalu li jafdaw lill-gvern bi 68% iddikjaraw li le. 5% qalu li ma jafux.
Jekk wieħed iħares lejn il-fiduċja fil-Parlament Nazzjonali jsib li 49% tal-Maltin għandhom fiduċja f’dan il-parlament u 36% le. 15% ddikjaraw li ma jafux. 52% wieġbu li għandhom fiduċja fl-Unjoni Ewropea u 29% qalu li le.
Il-Maltin għandhom jemmnu li l-immigrazzjoni hija l-iktar kwistjoni li tħassibom, bix-xogħol u l-ekonomija fost l-inqas li jissemmew.
Dan f’riflessjoni tal-qagħda ekonomika tajba f’pajjiżna u hawn ukoll ir-riżultat hu differenti mill-bqija tal-Ewropa. Fil-fatt 80% tal-Maltin qalu li l-ekonomija sejra tajjeb. Dikjarazzjoni li għamluha biss 39% tal-Ewropej. Biex fl-istess ħin 83% qalu li l-qagħda finanzjarja fid-dar tagħhom hija tajba u 66% taw l-istess tweġiba għax-xogħol tagħhom.