Il-Kummissjoni Ewropea ħabbret li Malta mhix ma’ grupp ta’ pajjiżi li se jiġu investigati fil-fond minħabba suspetti ta’ riskji u żbilanċ makro-ekonomiku.
Dan joħroġ mill-aħħar Alert Mechanism Report li jinkludi proċedura li ddaħħlet disa’ snin ilu bħala miżura biex ikun hemm aktar kontroll fuq il-baġits nazzzjonali.
F’dan ir-rapport, joħroġ li Malta flimkien ma’ tliet pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea kompliet tirreġistra bilanċ pożittiv.
Jingħad li erba’ pajjiżi Ewropej kellhom surplus li jaqbeż dak imbabbar mill-kummissjoni Ewropea.
L-ekonomisti tal-Kummissjoni jgħidu li dan kien il-każ għad-Danimarka, għall-Ġermanja u l-Olanda sa mill-bidu ta’ dan id-diċenju, u għal Malta fl-aħħar snin.
Jinnota wkoll li s-sena li għaddiet, is-surplus tal-Ġermanja naqas b’0.7 fil-mija u bi ftit anqas fid-Danimarka waqt li baqa’ fl-istess ilma f’Malta u fl-Olanda.
Ir-rapport jinnota wkoll li għaxar pajjiżi Ewropej fosthom Franza, il-Ġermanja, l-Irlanda u Spanja kellhom żbilanċ fil-kontijiet tagħhom, waqt li Ċipru, il-Greċja u l-Italja ġew identifikati bħala tliet pajjiżi f’defiċit qawwi.
Fost ir-raġunijiet li l-Kummissjoni tat biex issaħħaħ id-deċiżjoni tagħha li ma tinvestigax lil Malta, hemm iż-żieda ta’ ħaddiema fis-suq tax-xogħol. Fil-fatt tgħid li Malta kellha l-akbar żieda fost il-pajjiżi kollha Ewropej u anqas nies jirreġistraw għax-xogħol.
Fil-fatt b’rata ta’ 5.4 fil-mija, Malta kellha l-ikbar żieda ta’ ħaddiema fis-suq tax-xogħol segwita minn Ċipru b’4.1 fil-mija u l-Lussemburgu bi tlieta punta sebgġa fil-mija.
Min-naħa l-oħra, l-inqas tkabbir fis-suq tax-xogħol ġie rreġistra fil-Polonja, ir-Rumanija u l-Italja b’rata anqas ta’ wieħed fil-mija.
Il-kummissjoni Ewropea tinnota wkoll li l-persuni mċaħħda mill-aktar affarijiet bażiċi matul is-sena li għaddiet naqsu fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi Ewropej. Jgħid li f’Malta, il-persuni f’din il-kategorija naqsu b’xejn anqas minn b’ħamsa fil-mija.
Dwar l-investiment f’pajjiżna jingħad li dan baqa’ b’saħħtu u sostnut mis-settur tas-servizzi finanzjarji u dak tal-gaming.