Fit-tieni kwart ta’ din is-sena, pajjiżna rreġistrat l-akbar żieda fl-impjiegi mill-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea, meta mqabbel mal-kwart ta’ qabel.
Dan ħareġ skont ċifri tal-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea, il-Eurostat.
Bejn April u Ġunju li għadda, pajjiżna rreġistrata rata ta’ żieda ta’ mpjieġi ta’ 1.3%.
Ir-rata ta’ pajjiżna tiżboq sew ir-rata medja fiż-żieda ta’ mpjieġi fil-pajjiżi fiż-Żona Ewro. Dan hekk kif ir-rata f’din tal-aħħar kienet żieda minima ta’ 0.2%, bid-differenza mir-rata ta’ pajjiżna tkun ta’ iżjed minn wieħed fil-mija.
Flimkien ma’ Malta, bl-ikbar tkabbir fl-impjiegi hemm ukoll il-Litwanja u l-Portugall li kellhom żieda ta’ tkabbir fl-impjiegi bħal ta’ pajjiżna.
Minn dawn iċ-ċifri ħareġ ukoll li f’dan l-istess kwart tas-sena, pajjiżna kellu fost l-akbar żidiet fit-tkabbir ekonomiku minn fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea, meta mqabbel mal-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena.
Hawnhekk pajjiżna għandu rata ta’ tkabbir ekonomiku ta’ 1.1%.
Ħareġ ukoll li pajjiżna għandu tkabbir ekonomiku ferm b’saħħtu mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, hekk kif il-medja tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea ma kibret b’xejn.
Pajjiżi kbar bħall-Ġermanja u l-Italja rreġistraw l-ebda żieda jew tnaqqis fir-rata ta’ tkabbir ekonomiku tagħhom, meta mqabbel mal-kwart ta’ qabel.
Dawn iċ-ċifri ħarġu fl-istess ġimgħa, meta ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika urew li r-rata ta’ tkabbir ekonomiku kienet ta’ kważi erbgħa fil-mija. B’dan fisser li l-ekonomija Maltija kibret seba’ darbiet aktar ħdejn it-tkabbir tal-medja tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.
Dan filwaqt li ċifri li ħarġu riċentament juru li pajjiżna għal xahrejn konsekuttivi, Malta kellha l-inqas ta’ qgħad fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.