Statistika ppubblikata fis-sit tal-aġenzija Ewropea, il-Eurostat, tindika li, matul l-2023, Malta kellha l-akbar żieda fil-produzzjoni industrijali fost il-pajjiżi kollha taż-Żona Ewro. Dan hekk kif kien hemm żieda ta’ 5.7% f’pajjiżna kontra tnaqqis ta’ 2.4% bħala medja fost id-19-il stat li jħaddnu l-munita komuni.
Minbarra Malta, kienu biss il-Greċja u Franza li wkoll esperjenzaw żieda fil-produzzjoni industrijali matul is-sena li għaddiet.
B’kuntrast qawwi, fl-Estonja kien hemm tnaqqis ta’ 10.8%, filwaqt li fl-Olanda u l-Irlanda kien hemm tnaqqis ta’ aktar minn 7%. Il-Ġermanja, li tradizzjonalment tkun fuq ta’ l-ewwel fl-industrija tal-Ewropa, rat telf ta’ 1.7%, waqt fl-Italja, kien hemm telf ta’ 2.5%.
Ir-raġuni wara t-tnaqqis fil-produzzjoni industrijali fiż-Żona Ewro kienet in-nuqqas ta’ kompetittività tal-azjendi Ewropej. Dan kien minħabba d-daqqa qawwija fl-ispejjeż tal-enerġija li sofrew dawn il-fabbriki matul l-2023, inkluż anke bl-awsterità mħaddna minn diversi gvernijiet Ewropej.
Fil-fatt l-istatistika tal-Eurostat tindika li s-sena l-oħra n-negozji fiż-Żona Ewro raw żieda ta’ 11% fil-prezz tal-enerġija. F’ċerti pajjiżi, id-daqqa li sofrew in-negozji kienet ferm akbar, fosthom, fl-Olanda fejn kien hemm żieda ta’ 38% fil-piż tal-kontijiet tad-dawl għall-fabbriki. Fl-istess żmien, il-prezz tal-gass għall-azjendi fiż-Żona Ewro żdied b’medja ta’ 20%.
Fil-Ġermanja kien hemm żieda ta’ 35% iżjed fil-prezz tal-gass għall-fabbriki. Mgħattnin bil-piż tal-prezz tal-enerġija, li jużaw biex ikunu jistgħu jipproduċu, il-fabbriki Ewropej ma setgħux iżommu l-prezzijiet baxxi. Iż-żieda fil-prezzijiet wasslet biex il-fabbriki jnaqqsu l-bejgħ.
Dan bil-maqlub ta’ Malta, għax ma kien hemm l-ebda żieda fil-prezz tal-enerġija, il-produtturi tejbu l-kompetittività tagħhom u saħansitra kabbru l-bejgħ, għax il-prezzijiet li offrew kienu attraenti ħafna.
Dan qed jikkonferma l-politika progressiva tal-Gvern Laburista, immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela, li żamm il-prezz tal-enerġija stabbli. L-istess politika wasslet għal tkabbir ekonomiku aħjar u b’riżultati finanzjarji aqwa għall-Gvern innifsu.