Stħarriġ tal-Ewrobarometru, li sar bejn Marzu u April li għadda, wera kif il-korruzzjoni għadha sors ta’ tħassib serju għaċ-ċittadini tal-Unjoni, tant li 68 fil-mija taċ-ċittadini Ewropej jemmnu li l-korruzzjoni hija mifruxa f’pajjiżhom.
Jirriżulta li, meta mqabbel ma’ Diċembru tal-2019, f’20 Stat Membru tal-Unjoni l-proporzjon ta’ dawk li jħossu li l-korruzzjoni f’pajjiżhom żdiedet naqas f’20 Stat Membru. L-ikbar tnaqqis ġie rreġistrat f’Malta: tnaqqis sostanzjali ħafna ta’ 24 fil-mija. Wara Malta, l-akbar tnaqqis fil-perċezzjoni tal-korruzzjoni ġie rreġistrat fid-Danimarka, fir-Rumanija, fis-Slovakkja, u fl-Irlanda.
Dawn il-figuri jfissru li f’Malta, bi tnaqqis qawwi ta’ 24 fil-mija, dawk li jemmnu li l-korruzzjoni żdiedet fl-aħħar tliet snin niżel għal 50 fil-mija ta’ dawk li ħadu sehem fl-istħarriġ. Madwar l-Unjoni Ewropea, din il-figura niżlet b’wieħed fil-mija għal 41 fil-mija.
L-istħarriġ tal-Ewrobarometru ġie ppubblikat fl-istess jum li l-Kummissjoni Ewropea ħarġet ir-Rapport dwar is-saltna tad-Dritt, li fih irrikonoxxiet ir-riformi li qiegħed jagħmel il-Gvern Malti f’dan il-qasam.
Mill-istħarriġ joħroġ ukoll li, fl-Unjoni Ewropea kollha kemm hi, kien f’Malta li ġiet irreġistrata sitwazzjoni fejn in-nies jafu aktar minn qabel fejn għandhom jirrappurtaw il-korruzzjoni – żieda ta’ 13 fil-mija. Wara Malta ġew il-Bulgarija, il-Kroazja, u l-Irlanda. Dan l-għarfien naqas f’diversi pajjiżi Ewropej oħra, partikolarment fil-Greċja, fejn naqas bi 12 fil-mija.
Mill-Ewrobarometru ħareġ ukoll li l-akbar fiduċja li għandhom il-Maltin sabiex jagħmlu ilment dwar każijiet ta’ korruzzjoni huwa mal-Korp tal-Pulizija. Wara, fuq nett tal-lista, jiġi l-Ombudsman; imbagħad l-aġenzija speċjalizzata kontra l-korruzzjoni; u l-midja, fost l-oħrajn.