Matul l-2016 Malta kellha l-akbar tnaqqis mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea fl-ammont ta’ nies li huma mċaħħda materjalment u severament, tnaqqis ta’ 3.7%. Dan isegwi tnaqqis ieħor ta’ 2.1% li kien irreġistrat is-sena ta’ qabel. Dan ifisser tnaqqis ta’ 20,000 elf persuna mill-2013 ‘l hawn biex issa dan in-numru niżel minn 39,000 fl-2013 għal 19,000 fl-2016. Anke fit-tnaqqis tal-faqar Malta issa hija l-aqwa fl-Ewropa.
L-ammont ta’ nies li jħossuhom imċaħħda materjalment u severament fl-2016 kien fl-istess livell li kien fl-2007.
Il-figuri tal-2016 huma bbażati fuq id-dħul tal-familji fl-2015 li jfisser li l-miżuri u riformi importanti soċjali li saru fl-2016 u l-2017 għadhom mhux ikkalkulati – riformi u miżuri soċjali li minnhom diġà qed igawdu eluf kbar ta’ pensjonanti, anzjani, romol, ħaddiema, familji u tfal, persuni b’diżabiltà u persuni bi dħul baxx jew medju fost oħrajn.