Bi stqarrija dwar id-defiċit fiskali aġġustat għall-effetti staġjonali, il-Eurostat ikkonfermat it-tisħiħ fil-qagħda tal-finanzi pubbliċi f’pajjiżna.
Skont l-aġenzija Ewropea tal-Istatistika, Malta rreġistrat għat-tieni kwart konsekuttiv surplus fil-kontijiet pubbliċi. Dan ifisser li d-dħul kien akbar mill-ħruġ għal sitt xhur wara xulxin. Fl-ewwel kwart kien hemm surplus ta’ 2.3% tal-ġid nazzjonali, filwaqt li fit-tieni kwart is-surplus tela’ għal 3.1%.
Għalhekk, matul l-ewwel sitt xhur tas-sena, pajjiżna kellu l-akbar surplus fiskali minn fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea. L-aktar li tersaq qrib lejn ir-riżultat ta’ Malta kienet il-Ġermanja, b’surplus ta’ 0.7% fit-tieni kwart tal-2016.
Is-surplus osservat fit-tieni kwart tal-2016 huwa wkoll l-aħjar riżultat finanzjarju tal-Gvern mindu l-Eurostat bdiet tippubblika din l-istatistika għal pajjiżna fl-2000. Il-Gvern spjega li t-titjib li seħħ fil-finanzi pubbliċi f’Malta huwa aktar evidenti meta wieħed jinnota li, fl-ewwel kwart tal-aħħar sena tal-amministrazzjoni preċedenti, pajjiżna kellu defiċit ta’ 3.6%, filwaqt li fit-tieni kwart ta’ dik is-sena d-defiċit kien tela’ għal 3.9%.
Intant, il-Eurostat ħarġet ukoll stqarrija fuq l-andament tad-dejn nazzjonali fit-tieni kwart tal-2016 li turi kif il-piż tad-dejn waqa’ għal 64.8% tal-ġid nazzjonali. Din hija l-inqas rata osservata fit-tieni kwart mill-2008 ’l hawn u, imqabbel ma’ sena ilu, kien hemm titjib ta’ 2.5% tal-ġid nazzjonali. Dan ifisser li pajjiżna kellu r-raba’ l-ikbar tnaqqis fid-dejn nazzjonali minn fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.
Fi stqarrija, l-Gvern spjega li dawn ir-riżultati jispjegaw għalfejn l-aġenzija internazzjonali Standard & Poors għażlet li, wara għoxrin sena, tagħmel upgrade tar-rating ta’ pajjiżna għal A-. Mingħajr miżuri ta’ awsterità, u frott il-galbu fit-tmexxija li ġab lejn Malta tkabbir ekonomiku qawwi, il-finanzi pubbliċi qed jissaħħu ħafna biex Malta issir verament pajjiż fejn il-ġid jasal għand kulħadd.