Sa fl-aħħar l-artisti Maltin se jkollhom premju li jirrikonoxxi l-eċċellenza artistika li joffru.
F’lukanda ewlenija tħabbret l-ewwel edizzjoni għall-Premju għall-Arti li għalih diġa fetħu n-nominazzjonijiet u ċ-ċerimonja se ssir fil-bidu tas-sena d-dieħla.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Kunsill Malti għall-Arti preżenta programm ta’ premijiet nazzjonali sabiex jiġu ċċelebrati il-kisbiet kulturali u kreattivi fil-qasam artistiku Malti.
B’kollox se jkun hemm tminn kategoriji osthom l-aqwa produzzjoni artistika, l-artist żagħżugħ tas-sena u l-artist tas-sena.
Iċ-ċerimonja tal-Premju għall-Arti se titella’ f’Jannar li ġej u n-nominazzjonijiet huma miftuħa sas-sebgħa u għoxrin t’Ottubru li ġej.
Kif spjega tajjeb, iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti, Albert Marshall, dan il-premju jkopri proġetti li tnedew jew ġew ppreżentati mill-ewwel ta’ Settembru tas-sena l-oħra sal-aħħar t’Awwissu li għadda.
Matul it-tnedija tkellem ukoll il-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici fejn semma li l-artisti u l-organizazzjonijiet artistiċi huma l-mutur tas-settur kreattiv f’pajjiżna.
Spjega li b’dan il-premju l-ġdid imħabbar fil-baġit li għadda, huwa mod kif jingħata rikonoxximent lejn l-eċċellenza artistika.
Il-Ministru Bonnici kixef it-trofew li se jingħata fl-ewwel edizzjoni tal-Premju għall-Arti.
Dan it-trofew, xogħol tal-artist Kane Cali, hu maħdum mill-ħġieġ u ċ-ċeramika.
Intant aktar tagħrif dwar il-linji gwida u l-applikazzjonijiet għan-nominazzjonijiet jista’ jinġieb minn fuq is-sit artscouncilmalta.org.