Għall-ewwel darba Malta se jkollha preżenza diplomatika fl-Amerka Latina.
Dan wara li l-Ambaxxatur John Aquilina ppreżenta l-kredenzjali tiegħu bħala l-ewwel Ambaxxatur Malti għall-Brażil lill-President Brażiljan, Jair Bolsonaro.
Aquilina se jkun Ambaxxatur residenti fil-belt kapitali tal-Brażil, Brasilia.
Dan tħabbar fi stqarrija mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin Malti.
Matul iċ-ċerimonja tal-kredenzjali ntqal kif ir-relazzjonijiet bejn Malta u l-Brażil, li ilhom jeżistu s-snin, minn dejjem kienu eċċellenti.
Fl-istqarrija ntqal ukoll li l-President Bolsonaro esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-fatt li Malta għażlet lill-Brażil sabiex tistabbilixxi l-ewwel ambaxxata f’dan ir-reġjun tad-dinja. Huwa qal li dan huwa mument sinifikattiv fir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi u wera x-xewqa li jkun hemm iżjed koperazzjoni.
Fl-istqarrija l-Gvern Malti qal li d-deċiżjoni tiegħu li jiftaħ ambaxxata fil-Brażil tfisser pass bla preċedent fil-politika barranija ta’ pajjiżna.
Fl-aħħar snin, Malta fetħet l-ewwel ambaxxata fir-reġjun tas-Sub-Saħara, fil-Ghana, u anki oħra fil-Ġappun, fost l-oħrajn.
Dawn l-iżviluppi seħħew u qed iseħħu fi sfond ta’ strateġija tal-politika barranija Maltija, b’waħda mill-prijoritajiet tkun li Malta ssaħħaħ ir-relazzjonijiet tagħha mal-pajjiżi tal-Amerka t’Isfel.