Fl-ewwel kwart tal-2017 Malta rreġistrat l-akbar rata ta’ tkabbir ekonomiku fiż-żona ewro. Fil-fatt stqarrija tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika tindika tkabbir ta’ 4.2% għal Malta, mentri l-Eurostat turi medja tat-tkabbir madwar iż-żona ewro ta’ 1.9% biss. Dan ifisser li fl-ewwel tliet xhur tal-2017, pajjiżna kiber b’aktar minn darbtejn ir-rata osservata fil-pajjiżi l-oħra li jħaddnu l-munita ewro, intqal dan fi stqarrija mibgħuta mill-Gvern.
Kien hemm żewġ fatturi wara t-tkabbir ekonomiku b’saħħtu ta’ pajjiżna. L-ewwel fattur kien żieda qawwija fil-konsum privat. Mentri l-Oppożizzjoni ssostni li l-familji tagħna ma jistgħux ilaħħqu, iċ-ċifri uffiċjali juru sitwazzjoni opposta. Il-pagi f’pajjiżna telgħu b’€49 miljun, jew b’5%, fl-ewwel kwart tal-2017 meta mqabbla ma’ sena qabel. Meta mqabbla mal-istess perjodu fl-aħħar sena tal-amministrazzjoni preċedenti d-dħul tal-ħaddiema huwa €286 miljun, jew 37%, ogħla. Riżultat ta’ dan it-titjib sostanzjali fid-dħul, l-istatistika uffiċjali tindika li sa issa fl-2017 il-konsum privat żdied b’2.1%. Dan meta fl-aħħar sena tal-amministrazzjoni preċedenti kien hemm tnaqqis fil-konsum privat.
It-tieni fattur wara t-tkabbir ekonomiku qawwi fl-ewwel kwart tal-2017 kien l-andament pożittiv tal-azjendi. Fil-fatt cifri uffiċjali jindikaw li l-profitti tan-negozji għolew b’€70 miljun meta mqabbla mal-istess żmien sena qabel. Barra minn hekk, il-profitti li n-negozji għamlu fl-2017 huma 63% ogħla minn dawk li għamlu fl-aħħar sena tal-amministrazzjoni preċedenti. Dan it-titjib qawwi fil-profitti qed iwassal biex in-negozji jkomplu jżidu l-investiment tagħhom. Mentri l-Oppożizzjoni qed tbeżża’ li l-azjendi ser jitilqu, fl-ewwel kwart tal-2017 l-investiment kien €165 miljun, jew 57%, ogħla milli kien fl-aħħar sena tal-amministrazzjoni preċedenti. Fil-fatt l-ammont ta’ investiment li sar fl-ewwel kwart tal-2017 huwa l-akbar ammont ta’ investiment li qatt kien osservat f’dan il-perjodu mindu bdiet tinġabar l-istatistika għal pajjiżna.
Żvilupp ieħor li joħroġ mill-istatistika huwa li fl-ewwel kwart tal-2017, l-ispiża tal-Gvern kompliet tkun ikkontrollata. Fil-fatt il-konsum tal-Gvern kien jammonta għal 17.7% tal-ġid nazzjonali, kontra 21% fl-istess perjodu fl-aħħar sena tal-amministrazzjoni preċedenti.
Is-settur finanzjarju u tal-Gaming jikbru fl-2017
Barra minn hekk, l-istatistika uffiċjali turi li s-settur finanzjarju, li skont l-Oppożizzjoni suppost qed jippakkja biex jitlaq minn pajjiżna, fil-fatt kiber b’€14 miljun, jew b’10%, fl-ewwel kwart tal-2017. Is-settur tal-online gaming kiber b’€27 miljun, jew b’9%, fl-istess żmien.
Fix-xhur li ġejjin, il-Gvern ser ikun qed jimplementa l-miżuri fil-manifest elettorali li għalih ġie mogħti mandat ġdid. Wara li t-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna issa huwa l-aqwa fiż-żona ewro, permezz ta’ dawn il-miżuri l-mira hi li pajjiżna jsir fost l-aqwa fid-dinja.