L-istħarriġ li tagħmel kull xahar il-Kummissjoni Ewropea fost il-familji u n-negozji wera li, f’Marzu, l-indiċi tas-sentiment ekonomiku f’Malta laħaq il-livell ta’ 112. Dan hu 12 fil-mija ogħla mill-medja storika u l-aħjar riżultat għal pajjiżna għal Marzu mill-2018 ’l hawn.
Is-sentiment ekonomiku huwa kejl ta’ kemm in-nies u n-negozji jħossuhom ottimisti jew pessimisti dwar il-prospetti tal-ekonomija ta’ pajjiżhom.
F’rapport fil-faċċata ta’ quddiem tal-gazzetta KullĦadd, ġie rrappurtat li, minbarra hekk, il-livell tas-sentiment ekonomiku f’pajjiżna kien l-aqwa wieħed minn fost dawk osservati fil-bqija tal-Unjoni Ewropea. Fil-fatt, iż-żewġ pajjiżi li l-aktar li jersqu lejn Malta fl-ottimiżmu tagħhom huma l-Kroazja u Ċipru, għalkemm is-sentiment ekonomiku f’dawn il-pajjiżi xorta hu 5 fil-mija inqas mil-livell li ġie osservat mill-Kummissjoni Ewropea f’Malta.
Mill-istħarriġ Ewropew joħroġ li s-sentiment ekonomiku f’Malta f’Marzu tjieb b’6 fil-mija meta mqabbel ma’ Frar, filwaqt li madwar l-Unjoni Ewropea s-sentiment kompla jnaqqas ftit.
Il-fiduċja ekonomika f’pajjiżna issa ilha ħames xhur konsekuttivi aħjar mill-medja tal-Unjoni Ewropea. Dan l-iżvilupp beda wara t-tħabbir tal-Baġit għal din is-sena, li reġa’ offra sensiela twila ta’ miżuri ta’ fejda mingħajr ma impona taxxi ġodda, u minn dakinhar sal-lum il-fidiċja fl-ekonomija kibret b’24 fil-mija.
F’pajjiżna, il-maġġoranza tal-familji qalu li jħossu li qegħdin f’qagħda finanzjarja li jistgħu jaffordjaw li jidħlu għal spejjeż akbar. Fil-bqija tal-Ewropa, bil-maqlub, 20 fil-mija tal-familji qalu li ma jaffordjawx jidħlu għal spejjeż jew konsum kbir kaġun tal-qagħda finanzjarja differenti li qed jiffaċċjaw minħabba ż-żieda fil-kontijiet tal-enerġija, kif ukoll suq tax-xogħol inqas pożittiv minn dak ta’ Malta.