Artiklu mill-aġenzija Eurostat innota li, is-sena li għaddiet, Malta kienet il-pajjiż fl-Ewropa kollha fejn il-gradwati ġodda l-aktar li jsibu mpjiegi.
Fil-fatt, waqt li madwar l-Unjoni Ewropea, ir-rata ta’ mpjiegi fost il-gradwati riċenti hi ta’ tlieta u tmenin punt ħamsa fil-mija (83.5%), ir-rata ta’ pajjiżna hija ta’ tnax fil-mija iżjed, b’ħamsa u disgħin punt tmienja fil-mija (95.8%).
Dan ifisser li, jekk fl-Ewropa kważi 16 minn kull mitt gradwat ma jsibx impjieg, f’Malta r-rata hi biss ta’ erbgħa minn kull mija jew erbgħa darbiet inqas mill-medja fl-Unjoni Ewropea.
Pereżempju, fl-Italja terz tal-gradwati ma jsibux impjieg, sitwazzjoni li hi tmin darbiet agħar minn dik ta’ pajjiżna. Fil-Ġreċja, aktar minn kwart tal-gradwati riċenti ma jsibux impjieg.
Minbarra s-suċċess fejn jidħlu mpjiegi għall-gradwati, il-Eurostat jinnota wkoll li Malta hi wieħed minn għaxar pajjiżi biss fejn il-mira Ewropea għall-2030 fejn jidħlu l-impjiegi għal dawk b’edukazzjoni vokazzjonali diġà ntlaħaq.
Ta’ min ifakkar li, ġimgħa ilu, il-Eurostat ippubblikat statistika oħra li wriet kif, għall-ewwel darba fl-istorja, ir-rata ta’ gradwati f’pajjiżna qabżet il-medja Ewropea. Anke hawn pajjiżna hu wieħed mill-ftit li diġà laħqu l-mira maqbula mal-Kummissjoni Ewropea, bħala parti mill-istrateġija EU2030.