Malta kklassifikat fl-ewwel post fid-dinja għall-proċess li tuża biex tagħrbel l-applikazzjonijiet għaċ-ċittadinanza fost il-programmi kollha ta’ cittadinanza b’investiment li jeżistu madwar id-dinja.
L-indiċi ppubblikat minn HF Corporation, kumpanija li tispeċjalizza fil-qasam tal-programmi ta’ ċittadinanza u residenza b’investiment, juri li Malta kisbet tnax minn ħmistax-il punt assenjati għall-proċess ta’ skrutinju u konformità. Żewġ proċessi li tgħaddi minnhom kull applikazzjoni li ssir minn persuni li jfittxu li jiksbu ċittadinanza ta’ pajjiż permezz ta’ programm ta’ ċittadinanza jew residenza b’investiment. Malta kienet segwita minn Ċipru bi ħdax-il punt.
Ir-rappport jgħid li l-proċess ta’ skrutinju li twettaq Malta tal-applikazzjonijiet li tirċievi jassigura li ċ-ċittadinanza ma tingħatax lil persuni dubjużi tant li l-proċess ta’ verifika jieħu madwar sena.
Il-kiri jew ix-xiri tal-proprjetà huma fost il-kriterji meħtieġa mill-applikanti fil-programm ta’ ċittadinanza biex jissodisfaw kriterij biex jiksbu ċ-ċittadinanza Maltija minbarra li jagħmlu kontribuzzjoni finanzjarja lill-Gvern ta’ 650 elf ewro u jinvestu 150 elf ewro f’bonds tal-Gvern.
Jingħad ukoll li l-programm ta’ Malta jagħrbel kif meħtieġ is-sors tal-fondi tal-applikanti tant li bosta applikazzjonijiet ma ġewx milqugħa għax ma ssodisfawx il-kriterji stabbiliti fil-programm li huwa l-uniku wieħed approvat mill-Kummissjoni Ewropea.