Is-Segretarju tal-Istat tal-Istati Uniti Antony Blinken qal li pajjiżu fiduċjuż li Malta tista’ tieħu l-Presidenza tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa, l-OSCE, is-sena d-dieħla u se joffri l-appoġġ sħiħ biex tagħmel dan bl-aħjar mod.
Is-Segretarju tal-Istat Amerikan qal dan f’kitba fuq il-midja soċjali wara laqgħa li kellu mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin Malti, Ian Borg, fi Skopje fil-Maċedonja ta’ Fuq.
Blinken u Borg qed jattendu għal-laqgħa Ministerjali tal-OSCE li se ssir illum, fejn se tittieħed id-deċiżjoni formali dwar jekk Malta hux se jkollha l-Presidenza tal-OSCE.
F’din il-kitba, Antony Blinken tenna li l-Istati Uniti hija grata li Malta ressqet ’il quddiem biex tassumi r-responsabbilità li tmexxi l-Presidenza ta’ din l-akbar organizzazzjoni fid-dinja tas-sigurtà u koperazzjoni reġjonali.