Bejn Ottubru u Diċembru tas-sena l-oħra, Malta rreġistrat l-akbar tkabbir fin-numru ta’ nies jaħdmu fost Il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea, meta pparagunat mat-tliet xhur ta’ qabel.
Dan ħabbru l-uffiċċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea, l-Eurostat.
Ir-rata tat-tkabbir ta’ Malta fil-qasam tan-nies jaħdmu f’dan il-perjodu tal-2022 kienet ta’ 1.6 fil-mija, sostanzjalment ogħla mir-rata medja ta’ 0.3 fil-mija rreġistrata madwar l-Unjoni Ewropea u ż-Żona tal-Ewro. Din iż-żieda ta’ Malta tfisser ukoll żieda ta’ 7 fil-mija meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena ta’ qabel.
L-Istat membru tal-UE li kellu t-tieni l-akbar tkabbir fl-għadd ta’ nies jaħdmu fl-aħħar kwart tal-2022 kien il-Polonja, b’żieda ta’ 0.9 fil-mija, jiġifieri 0.7 fil-mija inqas mir-rata ta’ Malta. Wara ġew l-Estonja, Ċipru, u l-Olanda, ilkoll b’żieda ta’ 0.7 fil-mija.
L-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea ħabbar ukoll li, f’dan l-istess perjodu, pajiżna kellu fost l-akbar tkabbir ekonomiku fiż-Żona tal-Ewro. Malta kellha tkabbir ekonomiku ta’ 1.2 fil-mija fi tliet xhur meta mqabbel mal-kwart ta’ qabel. Qabel ġiet biss il-Greċja, li kellha tkabbir ta’ 1.4 fil-mija. Fl-istess perjodu, bħala medja l-ekonomija fl-Unjoni Ewropea u fiż-żona tal-Ewro naqset b’0.4 fil-mija.