Fi stqarrija għall-istatistika ppublikata mill-Eurostat, il-Gvern ta’ Malta qal li din turi li, fit-tielet kwart tal-2016, l-impjiegi f’Malta kienu 3.8% ogħla mill-istess perjodu ta’ sena ilu. B’hekk, pajjiżna għal darba oħra kellu l-aqwa rata ta’ tkabbir fl-impjiegi fl-Unjoni Ewropea.
Bħala medja, fost il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea, it-tkabbir fl-impjiegi kien ilaħħaq il-1.1%. Dan huwa tliet darbiet inqas mir-rata ta’ tkabbir li kien hawn f’pajjiżna.
il-Gvern qal li l-Eurostat juri kif iż-żieda fl-impjiegi f’Malta qed tinħass l-iktar fil-qasam tas-servizzi, speċjalment ir-remote gaming, oqsma professjonali u tekniċi, real estate, u informatika u komunikazzjoni fejn iż-żidiet kienu ta’ aktar minn 10%. Kien hemm żidiet tajba wkoll fl-oqsma tal-wholesale u retail, lukandi u ristoranti, kostruzzjoni kif ukoll fl-agrikultura u s-sajd.
Ta’ min ifakkar li, fil-ħames snin tal-leġislatura preċedenti, bħala medja l-impjiegi f’pajjiżna żdiedu b’1.9%, jew nofs ir-rata preżenti. Jirriżulta li, fl-ewwel tliet snin ta’ din l-amministrazzjoni, kien hemm żidiet ferm ikbar. Fil-fatt, fl-2013 l-impjiegi żdiedu b’3.7%, fl-2014 b’5.1% u fl-2015 bi 3.5%.
Kemm il-Kummissjoni Ewropea kif ukoll il-Bank Ċentrali qed ibassru li, minkejja ż-żidiet qawwija li seħħew fit-tliet snin ta’ qabel, xorta fl-2016 pajjiżna ser ikun irreġistra żieda fl-impjiegi ferm ogħla u ser jispiċċa bl-akbar tkabbir madwar l-Unjoni Ewropeagħal darba oħra.
Il-Gvern huwa kommess li jkompli jtejjeb ir-rata ta’ impjiegi. Filwaqt li l-amministrazzjoni preċedenti kienet poġġiet bħala mira mal-Unjoni Ewropea li tintlaħaq rata ta’ 62.9% sal-2020, din l-amministrazzjoni laħqet din il-mira fl-ewwel sena u rrevediet il-mira għal 70% sal-2020.
Dan il-Gvern qed iwassal biex il-ġid jasal għand kulħadd.