Il-Kummisjoni Ewropea qed tbassar li din is-sena l-ekonomija Maltija se tirreġistra l-akbar tkabbir minn fost l-ekonomiji Ewropej kollha. Fil-fatt fl-Spring Economic Forecast l-esperti tal-Kummissjoni qed jantiċipaw li fl-2019 il-ġid nazzjonali ta’ Malta ser jikber b’5.5%. Din ir-rata hija kważi punt perċentwali u nofs aktar minn dik imbassra għall-pajjiż bit-tieni l-għola tkabbir, il-Polonja.
Dan kien it-tieni darba f’sitt xhur li l-esperti tal-Kummissjoni Ewropea ħassew li kellhom jirrevedu ’l fuq il-prospetti ekonomiċi ta’ pajjiżna. Fil-fatt fl-Autumn Forecasts li kienu ħarġu f’Novembru li għadda l-esperti Ewropej kienu bassru tkabbir ta’ 4.9%, liema tkabbir kien ġie rivedut għal 5.2% fit-tbassir li kien sar fi Frar, u issa dan ġie rivedut għal 5.5%.
Dan jikkuntrasta għall-bqija tal-ekonomija Ewropeja fejn ir-reviżjonijiet fit-tbassir kienu ’l isfel, minn 1.9% f’Novembru, għal 1.5% fi Frar li għadda għal 1.4% issa. Ifisser li mentri t-tbassir għal Malta ġie rivedut ’il fuq b’0.6 punti perċentwali, dak għall-ekonomija Ewropea ġie rivedut ’l isfel b’0.5 punti perċentwali.
Fit-tbassir tagħha l-Kummissjoni qed tgħid li l-bilanċ tal-pagamenti ta’ pajjiżna, kif ukoll il-finanzi tal-Gvern, ser jibqgħu f’surplus. Fil-fatt is-surplus fil-bilanċ tal-pagamenti internazzjonali mistenni jkun it-tieni l-għola fl-UE, mentri dak fil-finanzi tal-Gvern mistenni jkun it-tielet l-akbar. Barra minn hekk ir-rapport jantiċipa “sustained job creation and low unemployment”, tant li l-esperti tal-Kummissjoni qed ibassru tkabbir fl-impjiegi ta’ 4% fl-2019. B’hekk għas-sitt sena konsekuttiva pajjiżna se jkun il-pajjiż bl-ogħla tkabbir fl-impjiegi madwar l-UE. Ir-rata ta’ tkabbir fl-impjiegi f’Malta mistennija tkun kważi punt perċentwali aktar għolja minn dik fil-pajjiż bit-tieni l-għola żieda fl-impjiegi, il-Lussemburgu.
Kontra dak li jsostnu xi wħud, li f’pajjiżna hawn għafsa fid-dħul minħabba għoli tal-hajja, ir-rapport tal-Kummissjoni jgħid li “robust employment growth coupled with modest price pressures in the household consumption basket contributed to boost households’ real disposable income”. Dan wassal ghal żieda qawwija, ta’ aktar minn 7%, fil-konsum privat, liema żieda mistennija tkompli tkun “well above its historical average”. Skont il-Kummissjoni Ewropea, din is-sena wara li tikkunsidra l-inflazzjoni l-paga medja f’Malta ser tkun tjiebet b’1%, jew bi kważi d-doppju tat-tkabbir mistennija fiż-żona ewro.
Fis-snin li ġejjin il-Kummissjoni qed tbassar żieda qawwija fl-investiment, ta 10% fl-2019 u kważi 8% fl-2020. Dan kumparat ma’ żieda medja ta’ 2.4% fil-ħmistax-il sena qabel il-bidla fil-Gvern fl-2013. Dan mistenni li jkun parzjalment dovut għal spiża kapitali tal-Gvern. Minkejja din l-ispiża addizzjonali, il-Kummissjoni xorta qed tbassar li l-finanzi tal-Gvern ser jirreġistraw surplus ta’ qrib il-1% tal-ġid nazzjonali.
Dwar l-aħħar rapport tal-Spring Forecast, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-Kummissjoni Ewropea qed mill-ġdid tikkonferma li l-ekonomija Maltija se tkun l-aktar ekonomija li se tkun qed tikber filwaqt li pajjiżi oħra mhux se jkunu miexjin bl-istess ritmu.
“Dan ifisser li dak li qed nagħmlu flimkien bħala pajjiżi qed jirnexxi. Qed jirnexxi għaliex qegħdin naħdmu biex it-tkabbir ekonomiku jibqa’ jiġi sostnut permezz ta’ deċiżjonijiet li qed nieħdu. Aħna mbagħad bħala Gvern qed naraw li dan il-ġid ikomplu jasal għand kulħadd. Ninsab sodisfatt ukoll li għandna konferma li l-pagi tal-Maltin u l-Għawdxin se jkomplu jissaħħu. Filwaqt li meta mqabbel ma’ pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea, iż-żieda fl-għoli tal-ħajja hija waħda moderata skont il-Kummissjoni Ewropea,” sostna Joseph Muscat.
Dr Muscat qal li dan kollu jkompli jagħtina l-kuraġġ biex inkomplu naħdmu ħalli Malta tkun aktar suċċess u flimkien naslu fi tragwardi u destinazzjonijiet li sal-lum il-ġurnata qatt ma konna ħlomna bihom.