L-ekonomija Maltija hija l-aktar waħda fost dawk tal-istati membri kollha tal-Unjoni Ewropea li se tikber aktar tard din is-sena.
Dan skont rapport tal-Kummissjoni Ewropea ta’ tbassir ekonomiku għax-xitwa li ġejja, li qal li sa nofs din is-sena, Malta se tikseb il-livell ekonomiċi ta’ qabel il-pandemija.
Skont l-esperti tal-Kummissjoni Ewropea, magħrufa li ma jħarsu lejn wiċċ ħadd, l-ekonomija Maltija se tikber b’6% f’din ix-xitwa.
Dan it-tkabbir ekonomiku jiżboq il-medja Ewropea bi 2% u pereżempju jaqbeż dak ta’ pajjiżi bħall-Ġermanja (3.6%), bi kważi bid-doppju.
Ir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea nnota li t-tkabbir ekonomiku f’Malta ġej wara xhur tajbin fl-andament ekonomiku s-sena l-oħra u l-qagħda tajba ħafna fil-qasam tas-saħħa, li wasslet għar-rilaxx ta’ miżuri marbuta mal-Covid-19.
Il-Kummissjoni Ewropea nnutat li bħall-kumplament tal-bqija tal-Ewropa Malta affaċċjat sfidi bl-imxija fl-aħħar kwart tas-sena l-oħra, speċjalment minħabba l-varjant Omicron iżda tinsab ottimista li Malta se tibqa’ tesperjenza tkabbir ekonomiku.
Intqal li l-inflazzjoni f’Malta kienet moderata u ġie nnutat l-intervent qawwi tal-Gvern Malti, li differenti mill-kumplament tal-Ewropa, Malta ma esperjenzatx xokk ta’ għoli ta’ prezzijiet tal-enerġija.
Dan wara li l-Gvern refa’ l-piż fl-għoli tal-prezzijiet tal-enerġija ġejjin minn barra u fost l-oħrajn qed jerfa’ l-piż tas-sisa fuq il-fjuwil, biex il-prezzijiet baqgħu stabbli, m’għolewx u huma fost l-orħos fl-Ewropa.
Il-Kummissjoni Ewropea qalet ukoll li d-deċiżjoni tal-FATF, b’rabta mal-proċedura ta’ moniteraġġ fuq Malta, qed tħalli effetti limitati.
Il-Prim Ministru Robert Abela fi tweet qal kif pajjiżna għandu futur sabiħ. Dan fid-dawl tal-aħbar tal-Kummissjoni tal-Unjoni Ewropea li qalet kif it-tkabbir ekonomiku ta’ Malta se jkun l-akbar wieħed fl-Unjoni Ewropea.