Malta se jkollha l-akbar tkabbir ekonomiku din is-sena u s-sena d-dieħla minn fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.
Dan skont l-aħħar tbassir tal-Kummissjoni Ewropea għax-xitwa, fejn ħareġ li din is-sena Malta mistennija jkollha tkabbir ekonomiku ta’ erbgħa punt sitta (4.6) fil-mija.
Hawnhekk ħareġ li t-tkabbir ekonomiku Malti jiżboq sew il-medja tat-tkabbir ekonomiku fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, b’dan tal-aħħar hu ta’ inqas minn wieħed fil-mija.
B’hekk kif d-differenza hija ta’ 3.7 fil-mija.
F’dan it-tbassir, l-esperti li ma jħarsu lejn wiċċ ħadd tal-Kummissjoni Ewropea, irrivedew ’il fuq it-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna għal din is-sena, mill-aħħar tbassir ekonomiku li sar, fil-ħarifa.
F’dan tal-aħħar, it-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna kien imbassar għal erbgħa fil-mija, waqt li issa l-Kummissjoni qed tbassar li t-tkabbir ekonomiku se jkun ta’ 4.6 fil-mija.
Il-Kummissjoni Ewropea qalet li hi rrevediet ’il fuq it-tkabbir ekonomiku Malti minħabba l-esportazzjoni u l-konsum privat, li mistenni jikber b’mod b’saħħtu.
Il-Kummissjoni Ewropea qed tbassar li s-sena d-dieħla se żżomm l-istess ritmu bħal dak ta’ din is-sena, hekk kif huwa mbassar li t-tkabbir ekonomiku fl-2025 hu mbassar li jkun ta’ 4.3 fil-mija.
Fir-rapport tagħha, il-Kummissjoni Ewropea nnotat li t-tkabbir ekonomiku s-sena l-oħra kien wieħed b’saħħtu, li qabeż is-sitta fil-mija u kien aqwa minn dak previst.
Il-Kummissjoni Ewropea fir-rapport tagħha semmiet kif il-Gvern Malti żamm stabbli l-prezzijiet tal-enerġija u l-fuels u jinsabu fl-istess livell bħal qabel il-pandemija. Dan hekk kif fost oħrajn, din is-sena, il-Gvern qed jinvesti madwar €350 miljun biex jilqa’ l-piżijiet f’dan is-settur. Dan apparti li sar ftehim l-importaturi u l-bejjiegħa biex iżommu stabbli l-prezzijiet ta’ erba’ mitt prodott essenzjali tal-ikel.
L-esperti tal-Kummissjoni Ewropea qalu wkoll li l-inflazzjoni se tkompli tonqos fis-sentejn li ġejjin, waqt li kien hemm reviżjoni ‘l isfel hawnhekk, meta mqabbel mal-aħħar tbassir ekonomiku tal-Kummissjoni.
Dwar din l-aħbar irreaġixxa fuq il-midja soċjali, il-Prim Ministru Robert Abela, li spjega li waqt il-Kummissjoni Ewropea rrevediet ’l isfel il-prospetti ekonomiċi tal-Unjoni Ewropea, bil-kontra ġara fuq pajjiżna, hekk kif l-esperti indipendenti rrivedew ’il fuq il-prospetti ekonomiċi ta’ pajjiżna.
Il-Prim Ministru sostna li d-deċiżjonijiet progressivi tal-Gvern immexxi minnu qed jagħmlu d-differenza fil-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin.