Stqarrija tal-Eurostat tikkonferma li fl-aħħar kwart tas-sena li għaddiet pajjiżna kellu l-akbar rata ta’ tkabbir ekonomiku u l-aħjar żieda fl-impjiegi madwar l-Unjoni Ewropea.
Dan hekk kif kienet osservata żieda ta’ 4.3% fil-ġid nazzjonali ta’ Malta, mentri l-impjiegi għolew b’5.7%.
B’kuntrast madwar l-Unjoni Ewropea kien hemm żieda ta’ 0.1% biss fil-ġid nazzjonali u l-impjiegi żdiedu b’1%.
Fil-fatt, f’disa’ pajjiżi fl-Unjoni Ewropea, il-ġid nazzjonali naqas fir-raba’ kwart tas-sena.
L-agħar sitwazzjoni kienet dik fl-Irlanda fejn kien hemm tnaqqis ta’ 9.1%. Imma aktar inkwetanti minn hekk hu l-fatt li, fi tnejn mill-ħames l-akbar ekonomiji fiż-Żona Ewro, jiġifieri l-Ġermanja u l-Olanda, kien hemm tnaqqis fil-ġid nazzjonali.
Dan ma kienx l-uniku kwart li fih kien hemm problemi ekonomiċi madwar l-Unjoni.
Filfatt fir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, il-Lussemburgu u l-Finlandja l-ġid nazzjonali naqas f’kull kwart tal-2023.
Fil-Ġermanja, l-Ungerija, l-Olanda, l-Iżvezja u l-Irlanda kien hemm tnaqqis fi tlieta minn erba’ kwarti tas-sena. Fil-Latvja u l-Polonja kien hemm tnaqqis f’żewġ kwarti, waqt li fil-Litwanja t-tnaqqis kien fi kwart wieħed.
Ta’ min ifakkar li pajjiż li jkollu tnaqqis f’żewġ kwarti konsekuttivi hu meqjus li jkun daħal f’riċessjoni.
B’din id-definizzjoni, bħalissa erba’ pajjiżi Ewropej huma f’riċessjoni, jiġifieri l-Estonja, l-Irlanda, il-Finlandja u l-Iżvezja. Il-Latvja, l-Olanda u l-Awstrija għadhom ħerġin minn waħda, filwaqt li l-ekonomija Ġermaniża ilha ma tikber mill-ewwel kwart tas-sena lil hawn.
B’kuntrast l-ekonomija Maltija għaddejja b’ritmu qawwi, tant li f’kull kwart ir-rata tagħna kienet l-akbar waħda mill-pajjiżi kollha. L-aħjar riżultat kien miksub fit-tielet kwart tas-sena meta pajjiżna kellu rata ta’ tkabbir ta’ 7%.
Dan kien jirrifletti l-espansjoni qawwija tat-turiżmu fix-xhur tas-sajf, fejn intlaħaq rekord ġdid fost dawk li żaru lil pajjiżna.
L-ekonomija Maltija mistennija tkompli tikber din is-sena, hekk kif l-Kummissjoni Ewropea u istituzzjonijiet internazzjonali oħrajn qegħdin ibassru li se terġa’ tkun l-aktar waħda dinamika fl-Ewropa kollha kemm hi.
B’rabta ma’ din l-istatistika tal-Eurostat, il-Prim Ministru Robert Abela wkoll irreaġixxa fuq il-mezzi soċjali u sostna kif il-politika ekonomika progressiva ta’ dan il-Gvern hi l-aqwa garanzija għall-prosperità kontinwa.
While several countries are in a recession, Eurostat shows Malta with the highest growth in the EU and the best rate of job creation. Our progressive economic policies are the best guarantee for continued prosperity. – RA
— Robert Abela (@RobertAbela_MT) March 8, 2024