Malta klassifikat fit-tieni post tal-Kategorija Ċ, fl-elezzjoni tal-Kunsill tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali, magħrufa bħala IMO.
Din isservi bħala aġenzija speċjalizzata tal-Ġnus Magħquda u hija responsabbli għas-sigurtà tat-tbaħħir u l-prevenzjoni tat-tniġġis tal-baħar mill-vapuri.
Fil-fatt, din kienet l-aħjar klassifikazzjoni li qatt kiseb pajjiżna, li ġie elett għall-erbatax-il darba konsekuttiva f’dan il-kunsill fost mija, sitta u sebgħin pajjiż.
Il-Ministru għat-Trasport Aaron Farrugia, li mexxa d-delegazzjoni Maltija waqt l-Assemblea Ġenerali tal-Organizzazzjoni, f’Londra stqarr kif dan huwa riżultat ieħor tal-ħidma li qed iwettaq pajjiżna fejn jidħol il-qasam marittimu.
Hawn rrimarka kif Malta għandha s-sitt l-akbar reġistru tal-bastimenti merkantili fid-dinja u b’hekk tgawdi l-fiduċja tal-komunità internazzjonali fis-settur.
Fi stqarrija, b’reazzjoni għal din l-aħbar, il-Malta Maritime Forum, nnutat is-suċċess tad-direzzjoni politika li ħa pajjiżna biex fil-qasam marittimu baqa’ juri pożizzjoni waħda. Dan filwaqt li ntqal kif il-Forum se jkompli jindirizza l-isfidi tal-preżent u l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Marittima Nazzjonali.