Statistika ppublikata mill-uffiċċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea, il-Eurostat, turi li fl-ewwel kwart tas-sena, is-settur tal-kostruzzjoni f’pajjiżna kellu l-aħjar andament minn fost il-pajjiżi kollha fl-Unjoni Ewropea.
Fil-fatt, meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena l-oħra, kien hemm żieda ta’ kważi sittax fil-mija fl-attività. Dan meta fl-Unjoni Ewropea kien hemm tnaqqis ta’ tlieta punt wieħed fil-mija, u tnaqqis akbar ta’ tlieta punt ħamsa fil-mija madwar iż-żona ewro.
L-akbar tnaqqis kien irreġistrat fi Franza, segwit mill-Italja u l-Greċja. Dan jirrefletti d-deċiżjonijiet tal-Gvernijiet f’dawk il-pajjiżi, li ordnaw lockdown qawwi li kien jillimita l-attività fil-qasam tal-kostruzzjoni.
Li kieku l-Gvern Malti mexxa fuq l-istess linja, l-impatt ekonomiku f’pajjiżna kienu ikun negattiv, kif kien f’dawn il-pajjiżi li kellhom l-akbar tnaqqis fil-ġid nazzjonali fl-istorja tagħhom. B’kuntrast, fl-ewwel kwart tas-sena f’pajjiżna l-ekonomija kompliet tikber minkejja l-pandemija.
Ta’ min jinnota li filwaqt li l-attività f’pajjiżna baqgħet pożżitiva ħafna, xorta kien hemm moderazzjoni fl-attività meta mqabbel mar-rati ta’ tkabbir fl-elfejn u dsatax. Dan jirrefletti l-impatt ta’ regoli ġodda li qed idaħħal il-Gvern biex itejjeb l-impatt ambjentali ta’ din l-industrija u l-istandards li bihom topera.
Permezz tal-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika, il-Gvern ser ikun qiegħed jagħti sostenn lil din l-industrija, fost l-oħrajn b’għajnuna lil dawk l-azjendi li jagħżlu li jimmodernizzaw il-makkinarju tagħhom għal makkinarju b’impatt ambjentali aħjar.
B’hekk din l-industrija tkompli tkun ta’ kontribut għall-ekonomija tagħna filwaqt li ssir parti essenzjali mit-trasformazzjoni ambjentali li dan il-Gvern irid iwettaq fis-snin li ġejjin.