Rapport tal-Kummissjoni Ewropea ta’ tbassir ekonomiku wera li pajjiżna għandu l-aħjar andament ekonomiku fiż-Żona Ewro.
Kull pajjiż fiż-Żona Ewro hu mbassar li se jara tnaqqis fil-prodott domestiku gross matul dan is-sajf iżda r-rata ta’ pajjiżna hija ferm inqas minn ta’ pajjiżi oħra.
Dan ir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea jsegwi rapporti oħra li saru anki minn aġenziji internazzjonali ta’ kreditu fl-eqqel tal-pandemija.
Dawn kienu sostnew li pajjiżna se jieħu l-inqas daqqa ekonomika.
Filwaqt li l-prodott domestiku gross ta’ pajjiżna mistenni jonqos b’6% għal dan is-sajf, il-medja ta’ tnaqqis fiż-Żona Ewro hija ta’ 8.7%.
Pajjiżi bħal Ċipru, il-Belġju u l-Ġermanja, meqjusa bħala l-mutur ekonomiku tal-Ewropa, it-tnaqqis fil-prodott domestiku gross huwa ferm ikbar.
Fil-fatt f’Ċipru, il-prodott domestiku gross għal dan is-sajf mistenni jkun ta’ -7.7%, għall-Belġju -8.8% u l-Ġermanja -6.3%.
Dan apparti li stati membri kbar oħra bħal Franza, Spanja u l-Italja ħa jsofru tnaqqis kbir li jgħodd kważi d-doppju ta’ Malta.
Fil-fatt fi Franza huwa stmat li se jkun -10.6% fil-prodott domestiku gross, l-Italja -11.2% u Spanja -10.9%.
Ir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea jgħid li pajjiżna kien affettwat mill-pandemija partikolarment mit-turiżmu iżda l-esperti tal-Kummissjoni Ewropea jsemmu n-numru ta’ pakketti t’għajnuna finanzjarja li ta l-Gvern li għenu biex jilqgħu mill-impatt ekonomiku.
Intqal li r-rilaxx fil-miżuri wara li ġiet ikkontrollata l-imxija mistennija jqajmu d-domanda domestika u tkabbir fil-prodott domestiku gross ta’ 6.25% fl-2021.
Ir-rapport isemmi wkoll bosta indikaturi ekonomiċi li juru li l-oqsma tal-manifattura u l-kostruzzjoni bdew jirpiljaw.
L-istudju tal-Kummissjoni Ewropea juri wkoll li sas-sajf tas-sena d-dieħla, pajjiżna se jirreġistra tkabbir fil-prodott domestiku gross ta’ 6.3%.
Dan ifisser li sas-sajf tas-sena d-dieħla pajjiżna se jkun irkupra u jirreġistra tkabbir ekonomiku.
Dan filwaqt li pajjiżi bħall-Ġermanja mhux se jkunu rkupraw mit-tnaqqis li mbassar għal dan is-sajf.
Dan hekk kif filwaqt li dan is-sajf il-Ġermanja se tnaqqas l-andament ekonomiku b’-6.3%, is-sajf tas-sena d-dieħla, il-Ġermanja hi stmata li tirreġistra tkabbir ta’ 5.3% li jfisser xorta perċentwal telf fit-tkabbir ekonomiku.
Fuq twitter, il-Prim Ministru Robert Abela laqa’ dan ir-rapport pożittiv dwar l-andament ekonomiku ta’ pajjiżna,
Qal li l-Kummissjoni Ewropea għarfet li l-għajnuniet li ta l-Gvern waslu biex pajjiżna jilqa’ għall-impatti ekonomiċi tal-pandemija u saħaq li flimkien se nibnu għada aħjar.
Fi stqarrija, il-Gvern qal li bil-kummenti tagħha, il-Kummisjoni Ewropea qiegħda tindika qbil qawwi mal-politika ekonomika tal-Gvern, speċjalment bid-direzzjoni li ta l-gvern bil-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika ta’ disa’ mitt miljun ewro.
The @EU_Commission forecasts that #Malta 🇲🇹 will have the best #economic performance in the Euro Area, supported by the recovery financial aid packages announced by @Maltagov. Together we will build a #bettertomorrow – RA
— Robert Abela (@RobertAbela_MT) July 7, 2020
Intant il-Ministeru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji laqa’ t-tbassir ekonomiku mill-Kummissjoni Ewropea.
Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna qal, “B’sodisfazzjon ninnota li l-Kummissjoni Ewropea qed tara li l-mutur ewlieni ta’ rkupru ġej mill-investiment, sostnut mill-pakketti ta’ rkupru mħabbra mill-Gvern. L-esportazzjonijiet netti huma wkoll mistennija li jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-irkupru hekk kif il-kummerċ globali jerġa’ lura għan-normal.”