B’investiment ta’ madwar €700,000 ewro, Malta għandha korsa tal-atletika fil-Marsa li tista’ tibda tilqa’ fiha kompetizzjonijiet ta’ livell internazzjonali.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Sports Malta Mark Cutajar ddeskriva l-proġett bħala wieħed ambizzjuż. Qal li bix-xogħol li sar, pajjiżna jista’ jibda jtella’ kompetizzjonijiet tal-ogħla livell wara li ġiet iċċertifikata mill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Atletika.
“Għalhekk sar xogħol, qlajna l-bażi tal-pedament li kien ilu ma jinqala’, sar l-ewwel darba fis-snin disgħin. għamilna wkoll il-korezzjonijiet neċessarja anka fuq il-livelli sabiex il-proġett ikun wieħed tajjeb”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Isports Clifton Grima spjega li l-ħidma li saret biex pajjiżna jkollu korsa tal-atletika tal-ogħla livell.
“Bdilna l-wiċċ, il-qiegħ, bdilna s-sodda ta’ dan it-track b’investiment ta’ aktar minn 600,000 ewro. kif ukoll tajjeb wieħed jgħid il-fatt illi fejn qabel kellna trakka li kienet meqjusa bħala tat-teini klass issa għadna trakka tal-ogħla livell”
Permezz ta’ din il-korsa, l-atleti Maltin għandhom faċilità li jistgħu jitħarrġu fiha b’mod aktar professjonali. Fl-istess waqt se tgħin biex jinġiebu f’Malta kompetizzjonijet ta’ livell għoli.
“Permezz tal-proġetti sportivi li qegħdin nagħmlu nattiraw lejn pajjiżna t-turiżmu sportiv. allura kompetizzjonijiet internazzjonali fejn ikollna timijiet u clubs barranin f’pajjiżna”
Il-korsa se tibda tintuża mis-sittax tax-xahar, filwaqt li fil-bidu ta’ Mejju se tospista l-ewwel kompetizzjoni internazzjonali.