Żewġ kisbiet importanti għas-setturi tal-agrikoltura u tas-sajd f’pajjiżna.
Permezz ta’ talba ta’ Malta dwar għajnuna diretta anke permezz ta’ deroga lir-raħħala tal-ħalib u lill-bdiewa tat-tadam se tibqa’ tingħata wara s-sena elfejn u għoxrin fil-pakkett il-ġdid tal-Unjoni Ewropea.
Barra minn hekk intlaħaq ftehim dwar rata ogħla ta’ ko-finanzjament għall-immodernizzar tal-bastimenti u ta’ magni ġodda fuq miżuri mmirati lejn sajd fuq skala żgħira.
Dawn il-kisbiet ġew wara laqgħa oħra bejn il-Ministri Ewropej għall-Biedja u s-Sajd u li għaliha attenda s-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri.
Is-Segretarju Parlamentari żied jgħid li fuq medda ta’ seba’ snin l-oqsma tal-ħalib u tat-tadam mistennija jibbenefikaw minn madwar wieħed u għoxrin miljun ewro f’għajnuna diretta minn fondi Ewropej.
Clint Camilleri qal li din id-deroga daħlet fil-proposta tal-Presidenza u għandha tibqa’ hemm ħalli nħarsu l-oqsma agrikoli Maltin.
Dwar il-qasam tas-sajd, Clint Camilleri saħaq li l-protezzjoni tal-ammont tal-ħut maqbud hi essenzjali biex nassiguraw is-sostenibbiltà tagħhom biex il-ħut jibqa’ jinqabad fil-futur.
Qal li dan nistgħu nagħmluh billi nistudjaw il-pariri tax-xjentisti mingħajr ma ngħakksu lis-sajjied iż-żgħir li jiddependi ferm mis-sajd għall-għajxien tiegħu.