Malta għandha t-tmien l-aktar passaport b’saħħtu fid-dinja.
Għal sena oħra konsekuttiva, il-passaport Malti ġie kklassifikat fost l-aqwa għaxar passaporti l-aktar b’saħħithom fid-dinja.
Dan anki ġie rrappurtat mis-sit tal-aħbarijiet internazzjonali, CNN.
Individwi b’passaport Malti jistgħu jivvjaġġaw lejn mija u ħamsa u tmenin pajjiż mingħajr il-ħtieġa ta’ viża minn qabel. Dawn l-indiċi għal din is-sena ħarġu mill-aġenzija Henley & Partners.
Flimkien ma’ Malta, fit-tmien post hemm l-Awstralja, il-Kanada, ir-Repubblika Ċeka u l-Greċja.
Fl-ewwel post hemm il-Ġappun filwaqt li s-Sirja, l-Iraq u l-Afganistan huma meqjusa l-aktar tliet pajjiżi bl-agħar passaport.
Fl-aħħar snin, iċ-ċittadini Maltin beda jkollhom passaport ġdid mill-aktar sigur, b’elementi differenti ta’ sigurtà li huma kemm viżibbli għall-għajnejn u oħrajn li għandek bżonn apparat forensiku biex tivverifika l-awtentiċità tad-dokument.
Fl-aħħar xhur, Identity Malta nediet ukoll sistema online għall-appuntamenti biex wieħed ikun jista’ jagħmel il-passaport.
Fi żmien ta’ rkupru mill-pandemija, fejn is-settur turistiku kompla jżid fl-andament tiegħu, kienu bosta dawk li marru jġeddu u jagħmlu l-passaport, b’Identity Malta riċentament qalet li eluf irreġistraw fuq is-sistema online biex jagħmlu l-passaport.