Għal darba oħra, fix-xahar ta’ Settembru, Malta kellha fost l-inqas rati ta’ inflazzjoni fost il-pajjiżi kollha fiż-Żona tal-Ewro.
Skont ċifri maħruġa mill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea, il-EUROSTAT, ir-rata tal-inflazzjoni f’pajjiżna hija ta’ 7.3%.
Din ir-rata hija inqas sew mill-medja tal-pajjiżi taż-Żona tal-Ewro, li hija ta’ 10% – 2.7% iżjed mir-rata ta’ inflazzjoni ta’ Malta.
Matul ix-xahar ta’ Settembru, ir-rata ta’ inflazzjoni fiż-Żona tal-Ewro, qabżet għall-ewwel darba l-għaxra fil-mija.
Ħarsa lejn iċ-ċifri minn madwar iż-Żona tal-Ewro turi li l-uniku pajjiż fejn l-għoli tal-ħajja hu inqas minn dak ta’ Malta, huwa Franza. Wara Malta ssegwi l-Finlandja.
F’Settembru, l-ikbar rata ta’ għoli tal-ħajja fiż-Żona tal-Ewro kienet l-Estonja, b’rata ta’ aktar minn 24%; differenza ta’ kważi 17% mir-rata ta’ għoli tal-ħajja f’Malta.
Il-Baltiċi jibqgħu bl-ogħla rata, hekk kif wara l-Estonja, jiġu l-Litwanja u l-Latvja, li lkoll għandhom rata ta’ inflazzjoni li taqbeż it-22%.
Minn dawn iċ-ċifri tal-Eurostat ħareġ, li l-akbar settur li għola fl-aħħar sena, kien l-enerġija. Dan hekk kif żdied b’iżjed minn 40%.
Dan kawża tal-gwerra fil-Lvant tal-Ewropa, bejn ir-Russja u l-Ukrajna, li wassal biex il-prezz tal-enerġija għola madwar il-pajjiż Ewropej.
Ta’ min jgħid ukoll, li f’dawn iż-żminijiet ta’ sfidi internazzjonali, il-Gvern Malti żamm il-prezzijiet tal-enerġija u tal-fjuwil stabbli. B’dan is-sussidju, il-familji Maltin qed jiffrankaw mill-inqas €1,700 fis-sena f’kontijiet tal-enerġija, gass u fjuwils.