Fl-2020, Malta kienet it-tieni l-aktar stat membru tal-Unjoni Ewropea li kellha żieda fit-turiżmu domestiku.
Dan ħareġ biċ-ċar f’rapport mill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea, il-EUROSTAT hekk kif innota li pajjiżna ra żieda ta’ 15% fuq l-2019 fuq l-ammont ta’ ljieli li tqattgħu fost oħrajn f’lukandi.
Dan minkejja l-impatt ekonomiku li ġabet magħha l-pandemija.
Il-medja Ewropea kienet ta’ nuqqas ta’ kważi 40% fit-turiżmu domestiku. Dan ifisser differenza ta’ madwar 55% bejn Malta u l-medja Ewropea.
Ir-rapport juri kif l-Islovenja huwa l-aktar pajjiż li ra żieda fit-turiżmu domestiku. Fil-fatt, hawnhekk in-numru ta’ ljieli li tqattgħu f’akkomodazzjonijiet turistiċi żdied bi ftit aktar minn 30% meta mqabbel mal-2019.
Fit-tieni post mill-istati membri Ewropej kollha, issegwi Malta b’żieda ta’ madwar 15%. Flimkien ma’ Malta, Ċipru wkoll rat żieda ta’ 15% fl-iljieli li tqattgħu f’lukandi miċ-Ċiprijotti.
Slovenja, Malta u Ċipru kienu l-uniku tliet pajjiżi stati membri Ewropej, li raw żieda fit-turiżmu domestiku. Dan hekk kif fit-tielet post tikklassifika l-Olanda b’nuqqas ta’ madwar 10%.
L-aktar pajjiż li raw tnaqqis fit-turiżmu domestiku meta mqabbel mal-2019 kien Spanja hekk kif l-iljieli li qattgħu l-Ispanjoli f’lukandi fost oħrajn, naqas b’aktar minn 50%. Issegwi lil Spanja hemm il-Greċja bi tnaqqis ta’ ftit inqas minn 50% u r-Rumanija bi tnaqqis ta’ madwar 45%.
Pajjiżi oħra bħall-Italja, ukoll raw tnaqqis, anki minħabba miżuri t’awsterità li daħlu.
Il-prestazzjoni pożittiva ta’ Malta fis-settur tat-turiżmu domestiku fl-2020 tipponta lejn għajnuna effettiva mogħtija mill-Gvern sabiex jiġu mitigati l-effetti ekonomiċi li ġabet magħha l-pandemija.
Fil-fatt, fattur ewlieni li permezz tiegħu ġie inċentivat it-turiżmu domestiku huwa l-għoti tal-vouchers tal-€100 mill-Gvern.
Fl-2020, il-Gvern alloka madwar €44 miljun għall-vouchers li fost oħrajn setgħu jintefqu f’lukandi u postijiet oħra ta’ akkomodazzjoni. L-iskema tal-vouchers kienet suċċess hekk kif sa Ottubru li għadda intefqu kważi 82% minnhom.
Dan filwaqt li l-infiq tal-vouchers wassal sabiex ikollhom effett multipliku li wassal għal injezzjoni totali ta’ €65 miljun fl-ekonomija Maltija matul is-sena l-oħra.