F’rapport tal-Fond Monetarju Internazzjonali, l-IMF, ħareġ li din is-sena u anki s-sena d-dieħla Malta se jkollha t-tieni l-akbar tkabbir ekonomiku minn fost il-pajjiżi kollha msieħba fl-Unjoni Ewropea.
Dan ir-rapport dwar l-ekonomija dinjija sar mill-Fond Monetarju Internazzjonali fil-perjodu wara t-tliet snin ta’ pandemija u l-effetti tal-gwerra fl-Ukrajna.
Ir-rapport internazzjonali jikkonferma l-ekonomija b’saħħitha ta’ pajjiżna, bl-IMF ibassar li din is-sena l-ekonomija Maltija se tikber bi 3.5 fil-mija, u l-istess se tagħmel is-sena d-dieħla.
Dan it-tkabbir ekonomiku huwa ferm aktar minn dak tal-medja taż-Żona tal-Ewro, li din is-sena hija ta’ 0.6 fil-mija, waqt li s-sena d-dieħla l-medja tat-tkabbir ekonomiku fiż-Żona tal-Ewro se jkun ta’ 1.4 fil-mija.
Skont dan ir-rapport, pajjiżna se jkollu t-tieni l-akbar tkabbir ekonomiku fl-Unjoni Ewropea, wara l-Irlanda.
Meta tqabbel ir-rata ta’ pajjiżna mar-rata tat-tkabbir ekonomiku tm’ pajjiżi akbar minn Malta, it-tkabbir ekonomiku f’pajjiżna fis-sentejn li ġejjin,se jkun aktar b’saħħtu.
Dan hekk kif din is-sena l-Ġermanja mhu se jkollha l-ebda tkabbir ekonomiku, waqt li Franza se jkollha tkabbir minimu ta’ 0.7 fil-mija.
Dan filwaqt li s-sena d-dieħla r-rata tat-tkabbir ekonomiku ta’ dawn iż-żewġ pajjiżi se tkun inqas sew minn dik ta’ Malta. Il-Ġermanja se jkollha tkabbir ekonomiku ta’ 1.1 fil-mija, waqt li Franza se jkollha tkabbir ekonomiku ta’ 1.3 fil-mija.
Dan l-istess rapport mill-IMF juri li s-sena li għaddiet pajjiżna kellu tkabbir ekonomiku ta’ 6.9 fil-mija. Dan jagħmel lill-pajjiżna l-pajjiż bit-tieni l-akbar tkabbir ekonomiku, wara l-Irlanda.
Hawnhekk pajjiżna qabeż ukoll il-medja tal-pajjiżi fiż-Żona tal-Ewro, bi kważi n-nofs tat-tkabbir ekonomiku f’pajjiżna.
Minn dan ir-rapport tal-Fond Monetarju Internazzjonali ħareġ ukoll li pajjiżna fis-sentejn li ġejjin se jkollu l-inqas rata ta’ qgħad fost il-pajjiżi kollha fl-Unjoni Ewropea.
Dan hekk kif fis-sentejn li ġejjin, pajjiżna se jkollu rata ta’ qgħad ta’ 3.1 fil-mija u 3.2 fil-mija, rispettivament. Ir-rata tal-medja ta’ qgħad fil-pajjiżi fiż-Żona tal-Ewro huma ferm iżjed minn rata ta’ qgħad ta’ pajjiżna. Dan hekk kif id-differenza hija ta’ kważi erbgħa fil-mija.
Skont dan ir-rapport, fis-sentejn li ġejjin pajjiżna se jkollu rata ta’ qgħad inqas mill-Ġermanja u l-Olanda, li se jkollhom it-tieni u t-tielet l-inqas rata ta’ qgħad, rispettivament.
Dawn ir-riżultati pożittivi għall-ekonomija Maltija ġew waqt sfidi internazzjonali bla preċedent, bil-gwerra fl-Ukrajna, il-kriżi tal-enerġija u l-inflazzjoni. F’dan il-perjodu, il-Gvern Malti ssussidja l-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwil biex dawn baqgħu stabbli għall-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin.
Dan filwaqt li aktar ħaddiema qegħdin jaħdmu, waqt li l-qgħad jinsab fl-inqas livelli fl-istorja.
Dan ir-rapport mill-Fond Monetarju Internazzjonali jingħaqad ma’ aktar rapporti pożittivi dwar l-ekonomija Maltija, wara dak ta’ Fitch Ratings, li kkonfermat mill-ġdid il-klassifikazzjoni ta’ pajjiżna bħala A+, bi prospetti stabbli.