Is-sena d-dieħla Malta mistennija jkollha t-tieni l-akbar tkabbir ekonomiku.
Dan skont tbassir ekonomiku tal-Kummissjoni Ewropea, li wera kif l-ekonomija Maltija mistennija tikber b’4% matul is-sena d-dieħla.
Hija biss l-Irlanda li taqbeż lil Malta bi ftit inqas minn nofs perċentwal ta’ tkabbir fil-Prodott Domestiku Gross.
Skont l-esperti tal-Kummissjoni Ewropea, magħrufa li ma jħarsu lejn wiċċ ħadd, it-tkabbir ekonomiku f’Malta jiżboq ferm dak f’pajjiżi oħra bħall-Ġermanja, 2.4%, l-Olanda, 1.6%, il-Belġju, 1.8% u l-Lussemburgu, 2.7%.
Fir-rapport tagħha, il-Kummissjoni Ewropea qalet li l-ekonomija ta’ pajjiżna din ir-rebbiegħa mistennija tikber b’4.2% u tkompli tikber b’4% oħra s-sena d-dieħla.
Dan anki jekk hemm sfidi internazzjonali fosthom il-gwerra fl-Ukrajna.
Hawn issemma kif anki jekk il-kriżi tal-Ukrajna laqtet fil-laħam il-ħaj il-prezzijiet tal-ikel, Malta se jkollha t-tieni l-inqas żieda fir-rata tal-inflazzjoni.
Intqal li wara d-daqqa tal-pandemija, Malta rkuprat b’mod qawwi u ferm aktar minn mistenni fejn is-sentiment pożittiv fost il-konsumaturi, jispikka.
Il-Kummissjoni Ewropea nnutat kif ir-rata ta’ qgħad ukoll se tibqa’ stabbli u baxxa ħafna.
Hawn issemma kif il-Gvern Malti appoġġja mhux ftit lil min iħaddem u lill-familji u salva l-impjiegi biex fl-2021, sena li fiha l-imxija kienet magħna, ir-rata tal-impjiegi fil-fatt żdiedet b’1.6%.
Issemmiet ukoll id-deċiżjoni tal-FATF f’Ġunju fejn f’Marzu li għadda ntqal ċar u tond li Malta ħadet il-passi kollha meħtieġa biex tindirizza strateġikament ir-rakkomandazzjonijiet li sarulha.
L-esperti tal-Kummissjoni Ewropea, li joħorġu rapport fuq kull pajjiż, innutaw ukoll il-qagħda fiskali tal-Gvern u ntqal kif id-defiċit kompla jonqos.
Intqal li d-defiċit inħoloq anki għax il-Gvern ħareġ ħafna flus biex kien ta’ spalla waqt pandemija.
Hawn saret osservazzjoni wkoll li wara l-pandemija l-Gvern xorta qed iwieżen lill-familji u lin-negozji partikolarment fis-settur tal-enerġija, wara żieda fil-prezzijiet madwar l-Ewropa iżda f’Malta dawn baqgħu stabbli u m’għolewx.
Il-Gvern mistenni wkoll idaħħal iżjed mit-taxxi u mill-ħlas tal-bolla fis-sentejn li ġejjin.
Dan f’kuntest t’aktar nies jaħdmu u prattikament inqas minn elf ruħ fuq ir-reġistru tal-qgħad ta’ JobsPlus.
Dan apparti li d-dejn tal-Gvern imqabbel mal-Prodott Domestiku Gross se jibqa’ taħt is-60%, meta fi żmien GonziPN fl-2011, fi kriżi finanzjarja ħafna iżgħar, id-dejn kien jaqbeż is-70%.
Intant b’rabta ma’ dan iċ-ċertifikat pożittiv ieħor tal-Kummissjoni Ewropea, fuq il-midja soċjali, il-Prim Ministru Robert Abela nnota kif dan ir-rapport jitkellem b’mod ċar dwar kif Malta se tibqa’ għaddejja f’mixja ta’ tkabbir ekonomiku.
Dr Abela saħaq li b’ħidma kollettiva se jibqa’ jaħdem biex il-ġid jinħass minn kulħadd.
Dan ir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea jsegwi ieħor ta’ Fitch lejn tmiem il-ġimgħa li għaddiet li kklassifika l-ekonomija Maltija b’A+ bi prospetti stabbli.