Bejn Lulju u Settembru ta’ din is-sena Malta kellha t-tieni l-akbar tkabbir ekonomiku fost l-Istati membri kollha tal-Unjoni Ewropea, meta mqabbel mat-tliet xhur ta’ qabel.
Dan ħareġ minn ċifri tal-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea, il-EUROSTAT, li juri fit-tielet kwart ta’din is-sena l-ekonomija Maltija kibret b’1.3% iżjed mit-tieni kwart tas-sena.
Skont ċifri, li ħarġu l-ġimgħa li għaddiet mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, bejn Lulju u Settembru ta’ din is-sena l-ekonomija Maltija kibret b’5.2%.
Fiċ-ċifri tal-EUROSTAT ħareġ li t-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna fit-tielet kwart ta’ din is-sena jisboq sew il-medja tat-tkabbir ekonomiku fl-Istati membri tal-Unjoni Ewropea. Il-medja tat-tkabbir fit-tielet kwart fl-Unjoni Ewropea kien ta’ 0.4%. Dan ifisser li d-differenza ma’ Malta hija ta’ kważi punt perċentwali.
L-uniku pajjiż mis-27 Stat membru tal-Unjoni Ewropea li fil-kwart imsemmi kellu tkabbir ekonomiku akbar minn ta’ pajjiżna kien l-Irlanda.
It-tkabbir ekonomiku ta’ Malta fit-tielet kwart ta’ din is-sena, kien jisboq sew it-tkabbir ekonomiku f’pajjiżi kbar bħall-Ġermanja u Franza.