Malta kellha t-tielet l-ikbar żieda fil-popolazzjoni fl-Unjoni Ewropea.
B’żieda ta’ tlettax punt tmienja għal kull elf resident Malta kellha żieda li ssegwi biss dik tal-Lussemburgu u l-Iżvezja.
Kienu l-pajjiżi tal-Litwanja, il-Latvja, il-Kroazja, il-Bulgarija u r-Rumanija l-iktar li raw tnaqqis fil-popolazzjoni. Biex kompliet ix-xejra ta’ immigrazzjoni mill-pajjiżi tal-Lvant għal dawk tal-punent tal-Unjoni Ewropea fejn il-kwalità tal-ħajja hi iktar għolja.
Skont l-istatistika tal-Eurostat ir-raġuni għaż-żieda fil-popolazzjoni fl-Unjoni Ewropea kollha hi l-immigrazzjoni. Jirriżulta filwaqt li kien hemm imwiet daqskemm kien hemm twelid il-popolazzjoni xorta waħda żdiedet b’miljun u nofs persuna.
Fil-każ ta’ Malta s-sitwazzjoni kienet differenti għaliex Malta kienet fost in-numru ta’ pajjiżi fejn ir-rata ta’ twelid qabżet sew ir-rata tal-imwiet. Kienu l-Irlanda, iċ-Ċipru, u l-Lussemburgu l-uniċi pajjiżi li kellhom bilanċ favur it-twelid iktar minn Malta. Is-sena li għaddiet Malta kellha erbat elef u ħames mitt twelid, filwaqt li kellha tliet elef u tliet mitt mewt. Bilanċ favur it-twelid ta’ elf u mija. Filwaqt li b’kollox il-popolazzjoni f’Malta żdiedet b’sitt elef persuna, inkluż diversi Ewropej li ġew jgħixu Malta bil-moviment ħieles tal-persuni.